Il-Prim Ministru jwassal impenn politiku għall-aftercare programme ma’ żgħażagħ li qed jimxu lejn ħajja aktar indipendenti

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar The Manor f’Tas-Sliema, residenza mmexxija mill-Fondazzjoni Sebħ li toffri servizz ta’ aftercare lil żgħażagħ u adulti li jkunu għexu f’kura residenzjali u li jkunu qed jagħmlu l-pass lejn ħajja aktar indipendenti.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru, akkumpanjat mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti, iltaqa’ mal-professjonisti li jaħdmu mar-residenti u ddiskuta s-servizzi li jingħataw biex dawn iż-żgħażagħ jitħejjew għall-ħajja hekk kif tkun intemmet l-Ordni ta’ Ħarsien.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jibqa’ preżenti bis-sostenn fil-mumenti kruċjali tal-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ. F’dan il-kuntest, huwa rrefera għall-impenn politiku tal-Gvern li jsostni programm ta’ aftercare għal żgħażagħ li jagħlqu 18-il sena u ma jibqgħux jgħixu f’istituzzjoni għall-adoloxxenti.

Permezz ta’ dan il-programm, dawn iż-żgħażagħ se jingħataw garanzija ta’ aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, saqaf taħt rashom fl-immedjat u appoġġ finanzjarju. Il-Prim Ministru enfasizza li dan l-appoġġ jista’ jagħmel differenza konkreta fil-ħajja ta’ persuni li jkunu għaddew minn esperjenzi diffiċli u trawmatiċi. Fisser din il-miżura tal-programm ta’ ħidma tal-Gvern, li dwaru hemm mandat b’saħħtu mill-poplu, bħala waħda importanti fil-ħidma soċjali li ssir mill-Istat.

Dr Abela tkellem mal-professjonisti li jgħinu lil dawn iż-żgħażagħ jibnu ħajjithom. Bosta miż-żgħażagħ jaħdmu u jistudjaw biex jiksbu aktar l-indipendenza tagħhom u l-professjonisti flimkien mat-tmexxija tal-Fondazzjoni Sebħ fissru l-appoġġ mill-Istat flimkien mal-Knisja u l-benefatturi bħala wieħed siewi biex jgħin lir-residenti.

The Manor, li qabel kienet magħrufa bħala Dar Fatima, toffri ambjent ta’ dar fejn ir-residenti jgħixu b’mod aktar indipendenti, filwaqt li jibqgħu jingħataw l-appoġġ tal-professjonisti soċjali. Ir-residenti jingħataw l-għajnuna biex ikomplu b’ħajjithom u jieħdu l-indipendenza tagħhom fosthom billi jsiru sidien ta’ darhom. Preżentament hemm seba’ residenti jgħixu f’The Manor f’Tas-Sliema.

Il-Gvern għandu ftehim ma’ Fondazzjoni Sebħ sabiex ir-residenza tkun tista’ tkompli topera fost servizzi oħra li tagħti din il-Fondazzjoni tal-Knisja. Din is-sena l-Gvern qed jinvesti €28.4 miljun fi ftehimiet soċjali pubbliċi mal-għaqdiet biex joffru servizzi soċjali, kważi €3 miljun aktar mis-sena li għaddiet.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport