Waqt żjara lill-istudenti li qed jattendu SkolaSajf fiż-Żejtun, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi l-Gvern se jkun qed jimplimenta miżura oħra mwiegħda fil-Manifest Elettorali u li se tkun qed tgħin l-aktar lit-tfal vulnerabbli. Dr Abela ħabbar illi mis-sena skolastika li jmiss l-għotja li tingħata lill-kapijiet tal-iskejjel biex ikunu jistgħu jgħinu tfal neqsin minn affarijiet bażiċi se tittrippla, minn €10,000 għal €30,000 fis-sena.
Dr Abela spjega kif grazzi għal din iż-żieda l-kapijiet tal-iskejjel se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jgħinu studenti u l-familji tagħhom li ma jkollhomx mezzi biex jixtru uniformijiet u lbies tal-iskola, jippreparaw lunches għall-iskola, iħallsu għal ħarġiet u attivitajiet edukattivi jew inkella jixtru kotba u materjal ieħor importanti għat-tisħiħ tal-ħiliet. “Din hija miżura li tiżgura li ħadd ma jaqa’ lura. It-tfal tagħna, ġejjin minn fejn ġejjin, irid ikollhom l-aqwa opportunità biex jimmassimizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom,” qal Dr Abela. Huwa sostna illi grazzi għal din iż-żieda, il-Kapijiet tal-iskejjel jistgħu jassiguraw li tabilħaqq ħadd ma jaqa’ lura u li kulħadd jilħaq il-potenzjal tiegħu.
Dr Abela kompla jgħid illi din mhix biss miżura elettorali mwettqa, imma proposta li tassew se tkompli terfa’ lil dawk l-aktar fil-bżonn ’il fuq, sabiex bil-fatti ebda student jew studenta ma jkollhom xkiel għall-progress edukattiv u personali tagħhom. “Permezz ta’ din il-miżura qed nassiguraw li fil-prattika titħaddem il-ġustizzja soċjali. L-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta għall-mobilità soċjali”, stqarr il-Prim Ministru Robert Abela.
L-istudenti li jistgħu jibbenefikaw minn dan il-fond jiġu identifikati mill-iskola, f’kollaborazzjoni mat-tim psikosoċjali tal-Kulleġġ. L-identifikazzjoni dejjem issir b’mod sensittiv, kunfidenzjali u rispettuż, abbażi tal-ħtiġijiet reali tal-istudent u tal-familja tiegħu. F’ċerti ċirkostanzi, dan il-fond ġie utilizzat biex jitħallsu servizzi speċjalizzati meħtieġa għall-iżvilupp, il-ġid jew l-inklużjoni tal-istudent.
Il-Kap tal-Iskola Medja u Sekondarja Carlo Diacono fiż-Żejtun Adrian Galea laqa’ din it-tħabbira b’sodisfazzjon. “Dawn iż-żidiet fil-fondi huma investiment tajjeb fl-iskejjel tagħna, li nilqgħuh. Dan se jagħti lill-Kapijiet tal-iskejjel aktar flessbilità biex nindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi fl-iskejjel tagħna, intejbu l-ambjent tat-tagħlim u nsaħħu r-riżorsi li jtejbu direttament l-esperjenza edukattiva tal-istudenti,” qal il-Kap tal-iskola. Temm jgħid li din iż-żieda fl-appoġġ se tgħin għal skejjel aktar siguri, inklużivi u mgħammra aħjar għal kull student.
Intant fl-istess skola u akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva is-servizz ta’ SkolaSajf bħala wieħed importanti ħafna għall-formazzjoni tat-tfal u żgħażagħ Maltin u Għawdxin. “Huwa servizz ħolistiku li jiffoka fuq attivitajiet kreattivi, fuq attivitajiet sportivi biex niżguraw li l-formazzjoni tat-tfal tagħna, anke waqt ix-xhur ta’ mistrieħ tas-sajf, tibqa’ għaddejja,” irrimarka l-Prim Ministru.
Dr Abela qal li huwa jemmen bis-sħiħ fis-servizzi edukattivi mogħtija waqt SkolaSajf kemm fil-formazzjoni tat-tfal u anke f’għajnuna lil dawk il-familji li jkollhom bżonn servizzi bħal dawk offruti waqt SkolaSajf. Il-Prim Ministru temm jinnota wkoll li waqt SkolaSajf qed ikunu offruti diversi servizzi anċillari lit-tfal, inkluż terapija permezz ta’ psikoterapisti. Din is-sena huma b’kollox 12,634 tifel u tifla li qed jattendu SkolaSajf, f’54 ċentru madwar Malta u Għawdex. B’kollox huma 2,761 edukatur li qed jipparteċipaw fi SkolaSajf bl-investiment totali jlaħħaq s-€7.4 miljun.
Waqt iż-żjara l-Prim Ministru żar ukoll wieħed mill-calming spaces li qed isiru bħala parti minn miżura oħra li qed titwettaq mill-programm ta’ ħidma tal-Gvern li dwaru ngħata mandat elettorali b’saħħtu mill-poplu f’Ġunju li għadda. L-inizjattiva tal-calming spaces fl-iskejjel hija miżura importanti li tikkumplimenta l-kunċett tal-multisensory rooms, bil-għan li jinħolqu ambjenti edukattivi aktar inklużivi u sensittivi għall-bżonnijiet differenti tal-istudenti. Il-calming spaces jipprovdu opportunità lill-istudenti biex jieħdu ftit ħin barra mill-klassi meta jkollhom bżonn jirregolaw l-emozzjonijiet tagħhom, inaqqsu l-istress jew jerġgħu jiffukaw fuq it-tagħlim.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) Pamela Schembri, il-Kap Eżekuttiv tal-FES Michael Bondin u l-Prinċipal tal-Kulleġġ San Tumas Moore George Psaila.
