Ftit ħafna minnkom jafu b’din l-istorja… Fit-22 ta’ Diċembru li għadda, kont prattikament mejjet! Kont mitluf minn sensija għal aktar minn 28 siegħa. Kont kważi tlaqt minn din id-dinja; kien hemm saċerdot jgħid it-talb tal-aħħar u kont imdawwar bil-familja u l-ħbieb. B’mod inkredibbli, irxoxtajt! Il-missjoni tiegħi kienet għadha ma spiċċatx; anzi, kien għad fadal ħafna x’isir.
Dan kien il-messaġġ li wassal Bjorn Formosa permezz tal-mezzi soċjali, fejn spjega li kien jiżen 36kg – ftit inqas mill-kelb tiegħi. Formosa qal ; “Ma stajtx niekol; l-ikel kollu kien jispiċċa fil-pulmuni tiegħi. Fl-aħħar ta’ Jannar, dħalt l-isptar għal operazzjoni li salvatli ħajti. Illum niżen 60kg. Is-sena l-oħra kienet waħda diffiċli ħafna, l-aktar waħda iebsa f’ħajti. Għaddejt minn perjodi twal ta’ dipressjoni hekk kif kienet qed theddidni paraliżi totali, iżda ma qtajtx qalbi!”.
Formosa spjega kif; “bħalissa qed niżviluppaw teknoloġija rivoluzzjonarja li tippermetti lili u lil persuni oħra f’sitwazzjoni simili biex nikkomunikaw permezz tal-qawwa tal-ħsieb. Hemm soluzzjoni għal kollox fuq din il-pjaneta; trid biss taħdem iebes għaliha! Ġejt diskriminat minħabba d-diżabbiltà tiegħi u qaluli li ma stajtx nagħmel xogħli, iżda ma qtajtx qalbi. Ħdimt iebes ħafna biex inwassal telethon televiżiv ieħor li kiser ir-rekords!”.
Tenna jappella; “jekk jogħġobkom, għinuni nkompli din il-missjoni diffiċli immens. Ibgħatu d-donazzjoni tagħkom permezz ta’ Revolut fuq 79209420 jew BOV Mobile Pay fuq 79096249. Grazzi ħafna. Tinsinix!”
