Tripletta għal Birżebbuga Aquatic Sports Club 

Aqra wkoll

X’wassal għal dan u x’hemm pjanat għal futur?

Aktar kmieni din il-ġimgħa spiċċa l-kampjonat tal-Ewwel DIviżjoni tal-Waterpolo li fih Birżebbuga ħarġu rebbiħin. Mill-bidu ta’ dan l-istaġun Birżebbuġa wrew li għandhom dak li hu meħtieġ biex jirbħu, tant hu hekk li l-istess tim rebaħ ukoll in-Knockout 2026 u l-Meridianbet Cup.  

F’ intervista mal-President ta’ Birzebbuga Aquatic Sports Club, James Bonnici McIntyre huwa spjega x’ wassal għal dan is-suċċess, l-investiment li sar, u x’ inu pjanat fil-futur biex anki jkunu jistgħu jikkompetu fil-premiere.

Bidliet strateġiċi li l-klabb għadda minnhom matul dawn l-aħħar snin 

Il-President spjega li meta rritorna fil-klabb is-sena l-oħra, flimkien ma’ sħabu tal-kumitat, ħadu numru ta’ deċiżjonijiet importanti bil-għan li jagħtu direzzjoni ġdida u aktar ċara lill-klabb. Kienu jafu li kellhom grupp ta’ plejers ta’ kwalità u b’potenzjal kbir, iżda ħassew li kien hemm bżonn ta’ bidla fl-istruttura teknika, kemm tat-tim tal-kbar kif ukoll tas-settur taż-żgħażagħ.

Waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti kienet proprju l-bidla fil-coaching staff. Huwa qal kif għażlu coaches li, apparti l-għarfien tekniku u l-esperjenza tagħhom, ikollhom personalità b’saħħitha, dixxiplina u viżjoni ċara ta’ fejn irridu jwasslu l-klabb. Jovan Popovic u Marco Orlovic ġabu magħhom proprju dawn il-kwalitajiet. Mill-ewwel bdew idaħħlu mentalità differenti, aktar dixxiplina u professjonalità fit-taħriġ, kif ukoll sens akbar ta’ responsabbiltà u għaqda fost il-plejers.

Fl-istess ħin, bħala kumitat ippruvaw joħolqu ambjent fejn il-coaches u l-plejers ikollhom l-appoġġ kollu meħtieġ biex jiffukaw fuq il-miri sportivi tagħhom. Huwa qalu li ma riedux jagħmlu bidliet sempliċement biex ikollhom riżultat immedjat, iżda l-oġġettiv kien titjib fl-istruttura u mentalità li jistgħu jagħtu suċċess fit-tul.

Huwa ammetta li wara staġun diffiċli, kien importanti wkoll li ma jitilfux il-fiduċja fil-kwalità li kellhom fil-klabb. Minflok biddlu kollox, analizzaw fejn kienu qed jonqsu u ppruvaw isaħħu dawk l-oqsma. Il-President qal li ‘Jien dejjem emmint li t-tim kellu l-kwalità biex jirbaħ, iżda kellu bżonn ta’ direzzjoni aktar ċara, aktar dixxiplina u tmexxija b’personalità.’

Ir-riżultati ta’ dan ix-xogħol dehru mill-ewwel. Li fl-istess staġun rebħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, in-Knockout u l-Meridianbet Cup. Huwa qal li sodisfatt ħafna bir-riżultat u kkonferma li d-deċiżjonijiet li ħadu kienu fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, ammetta li għalih dan m’għandux ikun il-punt tal-wasla. Dan is-suċċess huwa biss il-bażi biex ikomplu jikbru, isaħħu s-settur taż-żgħażagħ u jibnu klabb li jkun dejjem aktar kompetittiv u sostenibbli għal ħafna snin li ġejjin

L-investiment fit-titjib fil-faċilitajiet u t-tisħiħ tal-istaff tekniku

Il-President spjega kif l-investiment fl-istaff tekniku kien fundamentali u kellu impatt dirett ħafna fuq ir-riżultati li kisbu. Huwa qal li l-coaches ġabu magħhom mhux biss esperjenza u għarfien tekniku, iżda wkoll dixxiplina, mentalità differenti u aktar intensità fit-taħriġ.

Bonnici McIntyre qal li fl-istess ħin, kien hemm investiment importanti ħafna fil-faċilitajiet. Mis-sena l-oħra, bis-saħħa tal-fatt li l-ilma tal-pixxina beda jissaħħan, il-klabb seta’ juża l-pixxina matul is-sena kollha. Dan għamel differenza kbira għaliex setgħu jżommu kontinwità fit-taħriġ, iżiedu s-sigħat fil-pixxina u jagħtu aktar ħin lill-coaches biex jaħdmu mal-plejers kemm fuq l-aspett fiżiku kif ukoll fuq dak tekniku u tattiku.

Il-President qal li għalhekk jemmen li ż-żewġ investimenti marru id f’id. Huwa kkonkluda billi qal li tista’ ġġib coaches ta’ kwalità, iżda trid tagħtihom ukoll il-faċilitajiet u l-ħin meħtieġ biex iwettqu xogħolhom. Meta wasal is-sajf, rajna l-frott ta’ din il-preparazzjoni kollha u r-riżultati li ksibna matul l-istaġun jikkonfermaw dan.

Indikaturi li qed juża l-klabb biex jevalwa jekk l-investiment hux qed joħloq suċċess sostenibbli

Il-President spjega kif għalihom is-suċċess ma jitkejjilx biss bl-unuri li jirbħu. Huma jħarsu wkoll lejn kemm nies jużaw il-faċilitajiet tagħhom u jkunu sodisfatti, kemm jattiraw klijenti u membri ġodda, u kemm qed jiżdied l-interess ta’ nies li jixtiequ jissieħbu fil-klabb.

Bonnici McIntyre qal li għalihom importanti ħafna l-feedback li jirċievu regolarment mingħand il-plejers, il-coaches, il-membri u dawk kollha li b’xi mod jagħtu sehemhom fil-klabb. Il-perċezzjoni ġenerali tal-klabb u dak li jisimgħu mingħand in-nies li jużaw il-faċilitajiet tagħom huwa importanti ferm għalihom.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-President spjega li għalihom l-oġġettiv huwa li jibnu klabb li mhux biss jirbaħ fil-pixxina, iżda li jkun qed jikber, jattira aktar nies u joħloq ambjent fejn il-membri u l-familji tagħhom ikunu kburin li jagħmlu parti minnu. Dak kollu huwa l-veru kejl ta’ suċċess sostenibbli.

Il-ħidma biex dan l-istaġun ma jibqax kisba iżolata, iżda jsir il-pedament taproġett kompetittiv fit-tul

Il-President qal li l-għan huwa li jibnu fuq is-suċċessi ta’ din is-sena u mhux sempliċement jikkuntentaw b’dak li ksibu. Minn issa diġà bdew jaħdmu fuq il-futur u fuq il-passi li jmiss għall-istaġun li ġej.

Huwa spjega li se jkunu qed iżommu l-kontinwità u l-mentalità rebbieħa li nbnew matul dan l-istaġun, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-iskwadra, l-istaff tekniku u s-settur taż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, se jkomplu jinvestu fil-faċilitajiet u fl-istruttura tal-klabb biex jagħtu lil kulħadd l-aħjar ambjent possibbli biex jiżviluppa.

Bonnici McIntyre qal li t-tliet unuri ta’ din is-sena huma ta’ sodisfazzjon kbir, iżda għandhom biss ikunu l-pedament għal proġett fit-tul. L-ambizzjoni hija li l-club jibqa’ jikber u jkun dejjem aktar kompetittiv sena wara sena.

L-impatt ta’ dan is-suċċess fuq l-akkademja u l-kapaċità tal-klabb li jiżviluppa u jżomm plejers żgħażagħ minn Birżebbuġa

Din hija xi ħaġa importanti ħafna għalina, saħaq il-President, li bħala klabb qed naħdmu ħafna fuqha. Huwa spejga li għandhom grupp ta’ tfal u żgħażagħ b’potenzjal interessanti ħafna u nemmnu li hemm futur sabiħ ħafna għalihom. Bla dubju, suċċessi bħal dawk ta’ din is-sena jagħtu kuraġġ u motivazzjoni lit-tfal. Meta jaraw lit-tim tal-kbar jirbaħ dawn l-unuri, huma wkoll jibdew joħolmu li xi darba jkunu parti minn dak it-tim.

Huwa kompla billi qal li għalhekk qed jinvestu fil-coaching, fil-faċilitajiet u f’tagħmir ġdid u modern għat-taħriġ, biex jagħtu lit-tfal l-aħjar opportunitajiet possibbli biex jiżviluppaw kemm fl-għawm kif ukoll fil-waterpolo.

Bħala Kumitat jixtiequ li dan is-suċċess iħeġġeġ lil aktar ġenituri jressqu lit-tfal tagħhom lejn il-klabb biex jitgħallmu jgħumu u jibdew jitħarrġu fil-waterpolo kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa. Huwa qal li għandhom atmosfera sabiħa ħafna fil-klabb, fejn it-tfal jistgħu jitħarrġu, jagħmlu ħbieb u jħossuhom parti minn familja waħda. L-għan huwa li jkomplu jkabbru din il-familja u, fuq kollox, jiżviluppaw aktar talent lokali li fil-futur ikun jista’ jagħmel il-pass mill-akkademja għat-tim tal-kbar.

L-isfidi ewlenin li Birżebbuġa jridu jegħlbu biex jikkompetu flivell ogħla, u l-investiment jew tibdil ieħor li se jkun meħtieġ biex dan iseħħ

Il-President saħaq li din hija forsi l-akbar sfida, għax biex tikkompeti f’livell ogħla u tibqa’ kompetittiv sena wara sena, l-investiment huwa fundamentali, iżda fl-istess ħin mhux dejjem faċli li ssib il-fondi meħtieġa.

Huwa spjega li s-suċċess iġib miegħu aktar ambizzjoni, iżda wkoll aktar responsabbiltà u spejjeż. Irridu jkomplu jinvestu fl-iskwadra, fil-coaches, fl-akkademja, fit-tagħmir u fil-faċilitajiet, filwaqt li jiżguraw li l-klabb jibqa’ finanzjarjament sostenibbli.

Għalhekk irridu jkomplu jaħdmu biex jattiraw aktar sponsors u jsibu sorsi ġodda ta’ dħul għall-klabb. L-isfida mhijiex biss li tilħaq livell ogħla, iżda li jkollok ir-riżorsi biex iżżomm dak il-livell u tkompli tgħollih sena wara sena. Din hija l-ħidma li rridu nkomplu nagħmlu bħala kumitat kkonkluda Bonnici McIntyre.

Kompetittiva tat-tim fil-Kampjonat Premier

Il-President qal li jridu jkunu realistiċi. Id-distakk bejn l-Ewwel Diviżjoni u l-ogħla timijiet tal-Premier għadu kbir, u għalhekk mhux qed jgħidu li mill-ewwel se jkunu qed jikkompetu mal-ewwel timijiet tal-Premier. Madankollu, jemmen bis-sħiħ li l-iskwadra hija tajba u kompetittiva biżżejjed biex tkun fil-Premier l-istaġun li ġej.

Huwa kkonkluda billi qla li l-għan huwa li ‘nidħlu għal kull logħba biex nikkompetu u nagħtu logħba lil kull tim tal-Premier, irrispettivament minn min ikun l-avversarju. Irridu nkomplu nsaħħu l-iskwadra fejn hemm bżonn u nnaqqsu d-distakk sena wara sena. Għalina, il-pass fil-Premier huwa l-isfida li jmiss u rridu nkunu preparati għaliha.’

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport