Tinsab kważi żewġ sulari taħt l-art. Kappella medjevali. Kappella li mhix magħrufa għax tinsab taħt residenza. Tinżel għaliha minn taraġ pjuttost spazjuż. Quddiemek imbagħad tara fetħa kbira fil-blat. Fin-nofs l-altar. Fit-tarf tal-ħajt fin-nofs, il-post li kien iservi ta’ tabernaklu, kompost minn toqba fil-ħajt. Post li kif tidħol fih isaħħrek bil-ġmiel tiegħu. Din il-kappella iżżomm l-istess karatteristiċi ta’ kappelli oħrajn għalkemm hi mħaffra kollha kemm hi fil-blat. Il-kappella tinsab fil-foss l-antik Ruman tal-belt l-antika, li fi żmien ir-Rumani kienet magħrufa bl-isem ta’ Melite.
Fl-aħħar jiem IT-TORĊA, ingħatat aċċess għal din il-kappella, li proprju qrib tagħha hemm ukoll spiera u sistema ta’ kanali li jmorru lura għal żmien ir-Rumani. F’parti mir-Rabat, eżattament fl-inħawi fejn kien hemm il-Foss l-antik ta’ żmien ir-Rumani, u li llum wieħed għadu jista’ jgawdi parti sostanzjali minnu li tinsab wara l-Bażilika ta’ San Pawl, hemm sistema estensiva ta’ kanali u bjar taħt l-art. Hu kkalkulat li kien hemm madwar 21 struttura taħt l-art fiż-żona antika, li ħafna minnhom kienu oriġinarjament strutturi ta’ żmien Ruman jew Biżantin. Jidher li aktar tard xi wħud inbidlu f’kannierji u kappelli matul il-perjodu medjevali. Irid jingħad li dawn ma kinux 21 kappella mibnija oriġinarjament bħala kappelli, imma kienu strutturi taħt l-art, fosthom ġibjuni, bjar u spazji maqtugħin fil-blat, li aktar tard ġew ikkonvertiti f’kannierji u kappelli matul il-perjodu medjevali.
Illum għandna, dan il-patrimonju jinsab taħt theddida. Għal darba oħra, hu l-iżvilupp li qiegħed jhedded dan il-patrimonju mhux għar-Rabat iżda għan-nazzjon kollu. Theddida li ġejja minn żvilupp li hemm applikazzjoni għalih u li ġie approvat, liema żvilupp jaffettwa b’mod negattiv dawn il-fdalijiet, apparti l-fatt li jista’ jġib f’periklu din l-istess kappella medjevali u r-residenzi li hemm fuqha minħabba li l-blat jidher sew li hu dgħajjef.
Il-Foss Ruman ftit li xejn hu magħruf
Il-Foss Ruman fir-Rabat ftit li xejn hu magħruf. Jekk issaqsi lil ħafna nies fejn jinsab, mhux se jgħidulek fejn jinsab. Foss li fih wieħed isib il-grotta ta’ San Pawl, li serviet bħala ħabs għal San Pawl meta kien f’pajjiżna. Madwar il-foss hemm għadd ta’ għerien oħra u strutturi tal-istess perjodu.
Il-Foss Ruman kien foss kbir li kien jagħmel parti mid-difiżi tal-belt antika ta’ Melite, l-isem tal-belt fi żmien ir-Rumani. Melite ma kinitx limitata għall-Imdina tal-lum iżda kienet testendi wkoll għal parti sew mir-Rabat. Il-foss kien jifred il-belt miż-żoni ta’ barra u kien jagħti protezzjoni lill-fortifikazzjonijiet tagħha. Il-parti li għadha tidher tinsab prinċipalment wara l-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl fir-Rabat, u l-foss kien ikompli lejn iż-żona ta’ Saqqajja u t-triq fejn illum jintrema’ l-monti.
Pixxini f’post sensittiv bħal dan?…
…tħassib
Residenti li joqogħdu fiż-żona u persuni li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku jinsabu mħassbin bil-ħruġ ta’ permessi biex fil-foss l-antik Ruman isiru l-pixxini.. Inkwetati l-aktar għax huma jaraw li dan it-tali żvilupp se jkun ta’ theddida għall-karatteristiċi ta’ dan il-post uniku.
Persuni li tkellimna magħhom qalulna li “timmaġinaw fejn hemm il-fdalijiet arkeoloġiċi f’Ruma tara l-pixxini. Se tinduna li jistonaw. U l-istess ħaġa hawn. Immaġina turi lit-turisti jew persuni oħra li jiġu jistudjaw l-arkeoloġija, u turihom il-foss u fih jaraw il-pixxini. Tista’ tgħid li “b’xorti tajba għad baqgħalna parti żgħira mill-Foss Ruman fejn kien priġunier u nistgħu nissopponu li fih kien jimxi San Pawl. Kien hawn li l-Maltin ressqulu lill-morda tagħhom biex ifejjaqhom. Kien hawn li l-Maltin tgħammdu minn idejn dan il-Qaddis kbir li bħal San Pietru hu meqjus kolonna tal-Knisja Kattolika. Kien xokk kbir meta smajna u sirna nafu li se jinbnew żewġ pixxini bil-permess, liema permess inħareġ”.
Itennu li “f’Ruma għadhom jġeddu l-wasla ta’ San Pawl fuq Via Appia u jfakkru fost ħafna ferħ il-miġja tiegħu ġewwa l-Belt Eterna. Il-Foss Ruman għalina r-Rabtin hu l-Via Appia tagħna għax f’dan is-sit San Pawl għex f’wieħed mill-bosta għerien eżistenti li jagħmel mill-Foss Ruman.
Mal-wasla tiegħu f’Ruma San Pawl ittieħed fil-ħabs ta’ Mamertino fejn ħassu waħdu, għax kienu bosta li telquh waħdu. Jekk il-ħabs ta’ Mamertino hu lok daqshekk importanti ġewwa Ruma bl-istess mod għandu jkun il-ħabs Ruman fir-Rabat jiġifieri l-Grotta ta’ San Pawl. Proprju hawnhekk f’dan is-sit protett u skedat se jiġu mibnijin bil-permess dawn iż-żewġ pixxini, li taħthom għaddejjin il-passaġġi Rumani tal-Ilma.
L-iżvilupp jista’ jkun ta’ theddida anke għall-
għerien dgħajfin fil-post
Ir-residenti jitkellmu dwar l-għerien li hemm fil-post u li jinsabu taħt ir-resdenzi tagħhom. Jitkellmu kif dawn huma għerien li jidhru dgħajfin u anke esperti li rawhom tkellmu fuq id-djgħufija tagħhom. IT-TORĊA niżlet fihom u setgħet tara l-fraġilità tal-blat.
“Qegħdin nitkellmu fuq post sensittiv ħafna. Post li ma jixtraqx li jitħassar min kif inhu llum. Illum il-post jurik li kien foss. Jurik li l-post hu mimli fdalijiet. Hi kontradizzjoni kbira li nħallu żvilupp isir f’dan l-post. Ikun sfreġju kbir, li dan il-post, inħassruh b’xi tip ta’ żvilupp u nistennew li min hu responsabbli jitkellem dwar dan. Irridu nkunu kburin bl-identità tagħna. Nippreservawha u nħarsuha u mhux inħassruha bl-iżvilupp”, qalulna ir-residenti.
L-istess residenti qalulna li “qegħdin nistennew li tittieħed azzjoni. Irridu mhux li jinqered dan il-post imma għandu jiġi mfakkar u nesponuh għax hi wirt bi storja kbira. M’għandhomx ikunu jafu ir-Rabtin u nies oħra b’dan il-wirt? M’għandux isir kull sforz biex jitfakakr kull sena? Flok nitkellmu fuq żvilupp mhux aħjar naraw kif se niċċelebraw u nwasslu għand il-poplu dan il-wirt li għandna biex il-poplu japprezzah. Għax jekk ma jkunx jaf bih, faċli jinqered. Għadna fil-ħin biex insalvaw dan il-patrimonju”.
