Il-proġett kollu tal-Imsida Creek huwa mistenni jitlesta matul it-tieni nofs tal-2027. Ħabbar dan il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-estimi finanzjarji għal dan il-Ministeru.
Huwa beda biex qal li għas-sena d-dieħla, il-Ministeru se jkollu allokazzjoni kapitali ta’ €162.3 miljun, li jfisser żieda ta’ €26.5 miljun jew kważi 20 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Dan huwa investiment konkret fit-toroq, fil-portijiet, fis-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, fis-servizzi pubbliċi u fil-ħiliet tal-ħaddiema.
Dwar il-proġett tal-Imsida Creek, il-Ministru spjega kif il-pjazza l-ġdida diġà tlestiet, filwaqt li qed tinħoloq konnessjoni pedonali bejn Ta’ Xbiex u l-Marina. Sar investiment sostanzjali fl-infrastruttura taħt l-art, inkluż l-installazzjoni ta’ 1.3 kilometru ta’ pajpijiet ġodda tal-ilma u titjib fis-sistemi tad-drenaġġ, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni. Dan filwaqt li t-tielet pont, li se jtejjeb il-konnessjoni bejn Birkirkara u l-Belt Valletta, jinsab madwar 90 fil-mija komplut.
Il-Ministru Attard semma wkoll kif f’Marsaskala għaddej proġett ta’ riġenerazzjoni tal-promenade fuq medda ta’ madwar kilometru u nofs, mill-Knisja Parrokkjali sal-inħawi tal-eks Jerma.
Dwar il-programm Vjal Kulħadd, il-Ministru qal li dan huwa mibni fuq il-prinċipju li t-triq mhijiex biss għall-karozzi. Qal li għalhekk qed jinħolqu spazji aktar siguri u aċċessibbli fejn tingħata prijorità lin-nies.
Semma kif ir-rotta bejn iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar irreġistrat kważi 23,000 vjaġġ bil-mixi jew bir-rota f’59 jum.
F’Ħal Tarxien sar titjib fil-bankini u fl-aċċessibbiltà, flimkien ma’ xogħlijiet fuq is-servizzi taħt l-art fosthom is-sistema tal-ilma tax-xita u n-network tal-elettriku.
Bejn Ħal Luqa u l-Gudja tjiebu madwar 11,850 metru kwadru ta’ karreġġjata u 2,900 metru kwadru ta’ bankini u mogħdijiet kondiviżi.
Il-ħidma tkompli wkoll fl-Imsida, fin-Naxxar, fil-Furjana, fis-Siġġiewi, fir-Rabat u f’lokalitajiet oħra.
Il-Ministru Attard żied jgħid li l-allokazzjoni għall-infrastruttura marittima aktar milli rdoppjat, minn €19 miljun għall-2026 għal €41 miljun għall-2027.
Huwa rrefera fost oħrajn għas-sistema tax-shore-to-ship fil-Port il-Kbir, li tippermetti lill-cruise liners jitfu l-magni waqt li jkunu rmiġġati u jużaw l-elettriku mill-art.
Tenna li r-riżultati f’dan ir-rigward huma ċari: l-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu naqsu b’93 fil-mija, il-partiċelli fini b’92.6 fil-mija u d-diossidu tal-kubrit b’99.6 fil-mija.
Il-Ministru Attard qal ukoll li pajjiżna għandu jiżviluppa, iżda dan irid isir b’mod responsabbli, filwaqt li jinstab bilanċ bejn l-investiment, il-ħarsien tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja.
