Melvin Debono magħruf il-‘Quws’ ta’ 33 sena residenti Raħal Ġdid ingħata l-ħelsien mill-arrest għas-6 darba b’rabta ma’ inċident li kien seħħ fi Frar f’Ħal Tarxien. Dakinhar f’dan l-inċident kienu weġġgħu żewġ uffiċjali tal-pulizija minħabba sewqan eċċessiv.
Quddiem il-Maġistart Gabriella Vella, Debono qed iwieġeb ukoll mhux ħati li ħebb għas-sieħba tiegħu, fejn allegatament kien involut fi ġlieda magħha fil-każin tal-football taż-Żurrieq kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu biex kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.
Kien fil-11 ta’ Frar li għadda meta Deboni kien tressaq il-Qorti, eżatt ġimgħat wara li kien ingħata sentenza ta’ tliet snin probation wara li nstab ħati mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, li kien kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor fil-Qorti.
Waqt is-seduta tal-lum quddiem il-Qorti, l-uffiċjal tal-probation xehdet li l-akkużat wera determinazzjoni li jibda ħajja ġdida f’ħajtu filwaqt li kien lest li joqgħod għal kull pjan ta’ kura mfassal minnhom.
Wara li saret it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Vella laqgħet it-talba fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma l-għassa ta’ Raħal Ġdid kuljun u jkun id-dar bejn is-6.00pm u s-7.30am.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca, John Leigh Howard, Jeffrey Scicluna Briffa u Kurt Farrugia. Għal Debono dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.