Ġie fi tmiemu b’suċċess l-Valletta Baroque Festival 2025, li sar bejn id-9 sal-25 ta’ Jannar, 2025 fejn hu stmat li attendew ‘il fuq minn 5,000 persuna bejn 32 kunċert.
Il-festival ta’ din is-sena laqa’ fih udjenza minn madwar id-dinja kollha bi programm varjat li jiċċelebra mużika barokka, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Kenneth Zammit Tabona fi ħdan Festivals Malta. Inkluda wkoll lista ta’ artisti ta’ preġju li daqqu f’postijiet meraviljużi madwar Malta.
Il-festival fetaħ b’La Giuditta ta’ Alessandro Scarlatti, esegwita b’mod eċċellenti mill-Valletta Baroque Ensemble taħt it-tmexxija ta’ Steven Devine. Dan il-kunċert immarka it-300 anniversarju tax-xogħol u stabbilixa livell għoli għall-kunċerti li segwew. Kunċert li ta’ min isemmi kien Lachrimae Lyrae, ippreżentat minn Sokratis Sinopoulos fuq il-Lyra Griega flimkien ma’ L’Achéron fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.
L-udjenza gawdiet minn kunċerti ta’ klassi mondjali, fosthom The Mad Lover ta’ Thomas Dunford u Théotime Langlois de Swarte, u SIGNUM Saxophone Quartet’s bil-Bachianas. Is-sopranista Samuel Mariño ma’ Concerto de’ Cavalieri, ta spettaklu mill-isbaħ ġewwa it-Teatru Manoel.
Il-Malta Philarmonic Orchestra tat wirja indimentikabbli tal-Bach Violin Concertos, li fiha ħadu sehem il-vjolinisti promettenti Charlie Siem u Carmine Lauri. Ta’ min isemmi wkoll il-kunċert ta’ għeluq it-80 sena ta’ William Christie mal-grupp tiegħu Les Arts Florissants fl-24 ta’ Jannar, fejn ingħata ġieħ lil wieħed mill-akbar ikoni fix-xena tal-mużika barokka.
Barra minn hekk, il-kunċert ta’ KorMalta tal-Messa Papae Marcelli tal-Palestrina f’ġieħ il-500 anniversarju tagħha pprovdiet mument ta’ riflessjoni u reverenza.
Il-festival laqa’ udjenzi iżgħar bil-wirja Sound Explorers, fejn introduċa lit-tfal għall-għeġubijiet tal-mużika barokka u rawwem apprezzament fost il-ġenerazzjonijiet futuri.
Imtella’ madwar postijiet storiċi bħall-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Knisja ta’ Lapsi, u l-Palazz Verdala, il-festival sebbaħ il-valur kulturali ta’ Malta.