Wara li ġie fi tmiemu l-perjodu ta’ luttu b’rabta mal-mewt tal-Papa Franġisku, issa l-attenzjoni se ddur fuq il-Konklavi li se jibda llum u li se jwassal biex jiġi elett Papa ġdid.
Kardinali minn madwar id-dinja kollha se jagħżlu l-267 Papa. Il-Konklavi se jsir wara bibien magħluqa fil-Kappella Sistina u ġeneralment itul xi jiem jew f’ċertu każi, ġimgħat.
Fl-ewwel jum li fih jinżamm il-konklavi se ssir quddiesa fl-10.00 a.m. fil-Bażilika ta’ San Pietru, li se tkun immexxija mid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali. F’din il-quddiesa, il-Kardinali jitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jidderiġihom fl-għażla tal-Papa l-ġdid.
Imbagħad għall-ħabta tal-4.30 p.m., il-Kardinali jinġabru qrib il-Kappella Sistina u titkanta l-Litanija tal-Qaddisin. Mit-total ta’ 135 Kardinal eleġibbli biex jivvutaw, tnejn ikkonfermaw li ma jistgħux jattendu għall-Konklavi minħabba raġunijiet ta’ saħħa biex b’hekk it-total ta’ Kardinali niżel għal 133.
Il-kelma “Konklavi” ġejja mil-Latin “cum clave” li tfisser “magħluq b’ċavetta”, għax matul dan il-proċess il-kardinali eletti jinġabru f’ambjent magħluq biex taħt l-għajn u l-gwida tal-Ispirtu s-Santu jagħżlu s-suċċessur ta’ San Pietru.
Fil-ġurnata ta’ kull votazzjoni, isir vot sigriet. Ir-riżultat jitħabbar permezz ta’ dħaħen; jekk iswed ikun għadu ma ntgħażilx Papa, abjad jekk l-elezzjoni rnexxiet u ntgħażel Papa ġdid.