Monday, May 13, 2024

Illum jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali għal-liċenzjar tal-kuntratturi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Avviż Legali li għall-ewwel darba se jintroduċi f’Malta l-liċenzjar tal-kuntraturi tal-kostruzzjoni se jiġi ppubblikat illum fil-gazzetta tal-Gvern u jidħol fis-seħħ b’mod immedjat.

Dan l-avviż legali qiegħed jobbliga lil kull kuntrattur li qed jaħdem fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u bini biex japplika għal liċenzja mal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).

Dawk il-kuntratturi li japplikaw f’dan il-perjodu stipulat se jkunu jistgħu jkomplu joperaw waqt li l-applikazzjoni tagħhom tkun qed tiġi evalwatam minn Kumitat tal-Liċenzjar li se jkun qed jitwaqqaf apposta skont dak stipulat fl-avviż legali.

Min jonqos milli japplika sal-aħħar ta’ Ottubru mhux se jkun jista’ jaħdem xogħol ta’ twaqqigħ, skavar u bini. Min japplika għal liċenzja mill-1 ta’ Novembru li ġej se jkun irid jistenna l-Kumitat tal-Liċenzjar joħroġlu “approvazzjoni proviżorja” tal-applikazzjoni tiegħu biex ikun jista’ jopera sakemm eventwalment tinħariġlu l-liċenzja b’mod sħiħ.

Il-Kumitat tal-Liċenzjar se jkun obbligat li joħroġ din l-approvazzjoni proviżorja fi żmien fi żmien 60 jum mid-data tal-applikazzjoni. 

Matul il-perjodu li fih tkun qiegħda ssir l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, kull kuntrattur se jkun responsabbli li jwettaq l-obbligazzjonijiet kollha skont il-liġi fosthom li jiżgura li t-twettiq ta’ kull xogħol jikkonferma mal-prattiċi, il-linji gwida u r-regolamenti li jappartjenu għall-attivitajiet ta’ servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab il-liċenzja. 

Il-kuntratturi jridu wkoll josservaw kull direzzjoni maħruġa mill-perit jew minn kull persuna oħra responsabbli fil-liġi, kif ukoll kwalunkwe kundizzjoni, dikjarazzjoni tal-metodu u rekwiżiti marbuta mal-bini u l-kostruzzjoni li jkunu imposti minn kwalunkwe entità regolatorja. 

Il-kuntratturi li japplikaw għal-liċenzja se jkunu mitluba jassiguraw li kull xogħol li jagħmlu jkun kopert b’polza ta’ assigurazzjoni valida li tagħmel tajjeb għal kwalunkwe telf jew ħsara li xi persuna tista’ ġġarrab riżultat ta’ xi att jew ommissjoni min-naħa tal-kuntrattur liċenzjat jew ħaddiema li jaħdmu taħt id-direzzjoni tiegħu waqt it-twettiq tax-xogħlijiet, kif ukoll għad-danni fuq il-post tax-xogħol, inkluż ħsara fuq xi impjegat li jista’ jsofri.

L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni tista’ tikkunsidra li kwalunkwe kontravenzjoni li ssir minn kuntrattur li l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha qed tiġi evalwata mill-Kumitat tal-Liċenzjar tista’ twassal biex l-applikazzjoni tiegħu tiġi rifjutata u b’hekk l-applikant ma jkunx jista’ jkompli jaħdem. Min-naħa l-oħra, kuntratturi li jkunu kisbu l-liċenzja u jwettqu xi kontravenzjoni jista’ jkollhom il-liċenzja tagħhom sospiża jew irtirata.

L-Avviż Legali jistabbilixxi wkoll skeda ta’ penali li jistgħu jeħlu kuntratturi li jkunu qed jaħdmu bla liċenzja jew b’liċenzja sospiża jew bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Dawn jistgħu jvarjaw minn pieni ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn sitt xhur għal penali amministrattivi li jistgħu jlaħħqu l-€50,000 u multi ulterjuri sa massimu ta’ €5,000 kuljum.

Deċiżjonijiet tal-Awtorità dwar revoka jew sospensjoni ta’ liċenzja se tkun tista’ tiġi appellata quddiem Tribunal imwaqqaf skont l-Att. 

L-Avviż Legali qiegħed ukoll ifisser x’se jkunu l-kriterji mitluba mill-kuntratturi meta japplikaw għal liċenzja tat-twaqqigħ, skavar li jinkludi wkoll il-piling, u l-kostruzzjoni. Hemm ukoll skeda tad-drittijiet amministrattivi li kull kuntrattur irid iħallas meta japplika għal-liċenzja jew għat-tiġdid tagħha. 

L-iskeda tal-ħlasijiet tvarja skont jekk kuntrattur ikunx mingħajr impjegati jew skont in-numru ta’ impjegati li jħaddem miegħu.

Mal-Avviż Legali dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi ġie ppubblikat ukoll l-Avviż Legali li jdaħħal fis-seħħ dawn ir-regolamenti u d-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Ekonomija sabiex jiġi eżentat il-perjodu ta’ xahrejn ta’ stennija qabel jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti. 

L-applikazzjonijiet se jiftħu nhar it-Tnejn 24 ta’ Lulju 2023 u jridu jsiru online fuq is-sit elettroniku tal-BCA, www.bca.org.mt. 

Sport