“Illum se mmut… kollox tort tagħha” – traduzzjoni fuq mobile ta’ missier akkużat li pprova joqtol lil uliedu

Il-Qorti tisma’ kif mill-mobile tal-akkużat instabu messaġġi u traduzzjonijiet inkwetanti 

Aqra wkoll

– Bintu ta’ 10 snin kienet instabet b’ħwejjiġha mqattgħin qrib White Rocks, waqt li kienet qed tgħid lill-Pulizija li ħuha kien mejjet

Frażi fuq Google Translate li kienet tgħid “Illum se mmut. Ma niflaħx aktar. Kollox tort tagħha” u oħra li kienet tgħid “Se mmut minħabba fiha” instabu fuq il-mobile ta’ raġel Sqalli ta’ 49 sena akkużat li pprova joqtol lil uliedu ta’ 12 u 10 snin.

Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra r-raġel, li ma jistax jissemma b’ordni tal-Qorti u li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih b’rabta mal-inċident tas-7 ta’ Marzu.

Il-Kuntistabbli Andre Mifsud, li jaħdem fl-Iskwadra tal-Omiċidji, qal fil-Qorti li minn eżami tal-mobile tal-akkużat instabu diversi traduzzjonijiet fuq Google Translate bejn it-Taljan u l-Ingliż.

Mill-apparat ġew estratti wkoll numru ta’ telefonati, konverżazzjonijiet fuq WhatsApp, filmati u ritratti, b’ammont partikolarment kbir ta’ komunikazzjoni fis-7 ta’ Marzu, dakinhar tal-allegat attentat ta’ qtil.

Mifsud qal li fit-8 ta’ Marzu kien ġie infurmat bil-każ u ngħata struzzjonijiet mill-Ispettur Kurt Zahra biex jivverifika jekk is-suspettat kienx iddaħħal f’xi sptar jew ċentru tas-saħħa.

Huwa għamel verifiki f’Mater Dei, St James Hospital, St Thomas Hospital u f’ċentri tas-saħħa, iżda ma sab ebda pazjent li jaqbel mad-dettalji li ngħata.

Wara ngħata kopja tad-data estratta mill-mobile tal-akkużat u ġie mitlub janalizza jekk kienx hemm materjal rilevanti għall-investigazzjoni.

Fost il-komunikazzjonijiet li nstabu kien hemm skambju bejn l-akkużat u martu dakinhar tal-inċident. Il-mara kienet qed tipprova ripetutament tagħmel kuntatt mat-tfal, iżda skont ix-xhieda, ir-raġel bagħtilha messaġġ jgħidilha li “m’hemmx għalfejn tibqa’ tikkontrolla lit-tfal”.

Huwa bagħtilha wkoll diversi filmati tat-tfal.

Aktar kmieni dakinhar, l-akkużat kien bagħat messaġġ bil-vuċi lil ibnu bit-Taljan fejn qallu li kien barra u seta’ joħroġ.

Investigaturi sabu wkoll diversi tentattivi ta’ kuntatt ma’ persuna salvata fuq il-mobile bħala “Fratello”. F’wieħed mill-messaġġi, l-akkużat talab lil din il-persuna tmur fejn kien hu, filwaqt li wara diversi telefonati mhux imwieġba bagħtilha messaġġ ieħor jgħidilha li kien jaf li kienet online u jitlobha twieġbu.

L-għada, fit-8 ta’ Marzu, huwa bagħat messaġġ ieħor lill-istess kuntatt jgħid li “t-tfal jinsabu tajbin”.

Frażijiet dwar il-mewt fuq il-mobile

Il-Pulizija sabet ukoll ritratti u filmati tat-tfal fuq il-mobile, kif ukoll stampi mniżżla minn Facebook b’kwotazzjonijiet bit-Taljan.

Waħda minnhom kienet tgħid: “Meta mmut, tibkix għalija u ġġiblix fjuri.” Fuq Google Translate instab ukoll test bit-Taljan li kien qed jiġi tradott għall-Ingliż, li kien jinkludi l-frażijiet: “Illum se mmut. Ma niflaħx aktar. Kollox tort tiegħek,” u “Se mmut minħabba fiha.”

Bintu nstabet f’paniku u b’ħwejjiġha mqattgħin

F’xhieda oħra, uffiċjal tal-Pulizija rrakkonta kif it-tifla tal-akkużat instabet fi stat qawwi ta’ paniku. L-uffiċjal qal li meta mar lura l-għassa sab kommossjoni, b’tifla żgħira u mara jitkellmu ma’ kollegi tiegħu. Il-mara kienet sabet lit-tifla miexja telgħa tul il-Coast Road, ġejja mid-direzzjoni ta’ White Rocks. It-tifla dehret fi stat ta’ biża’ kbir u kellha ħwejjiġha mqattgħin, u għalhekk issejħet ambulanza. Il-pulizija ppruvaw jifhmu x’kien ġara, iżda t-tifla ma kinitx f’kundizzjoni li tagħti rakkont ċar. Minflok, baqgħet tgħidilhom li ħuha kien mejjet.

Minħabba l-istat tagħha, l-uffiċjal iddeċieda li ma jkomplix jagħmlilha aktar mistoqsijiet. Omm it-tifla waslet ftit wara u għamlet video call lill-akkużat biex tistaqsih fejn kien. Matul dik it-telefonata, huwa indika li kien fiż-żona ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, filwaqt li fl-isfond seta’ jinstema’ l-ħoss tal-baħar. Skont ix-xhieda, huwa qalilha: “Int żomm lit-tifla, it-tifel qiegħed ma’ Alla.”

It-telefonata nqatgħet f’daqqa u tentattivi oħra biex isir kuntatt miegħu ma rnexxewx. Il-Pulizija mbagħad bdiet tfittxijiet fiż-żona fejn kienet instabet it-tifla u ħadet passi biex tipprova tistabbilixxi fejn kien jinsab il-mobile tal-akkużat.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Kurt Zahra flimkien mal-avukati Etienne Savona, Kaylie Bonett u Anthony Vella. L-akkużat qed ikun assistit mill-avukati Gianella De Marco, Charles Mercieca u Conrad Borg Manche, filwaqt li Maxilene Pace u Charmaine Cherrett qed jidhru bħala parte civile. Il-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Franco Agius.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport