B’rabta mal-inċident li seħħ fi Pjazza Ħal Tarxien, fejn ċediet parti mill-art waqt xogħlijiet li kienu għaddejjin fil-post, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) jikkonfermaw li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident. Jikkonfermaw ukoll li flimkien ma’ awtoritajiet oħrajn jinsabu fuq il-post u mill-ewwel bdew bl-istħarriġ u l-valutazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex tiġi stabbilita s-sitwazzjoni u jiġu identifikati r-riskji potenzjali.
Il-prijorità assoluta tal-awtoritajiet hija li jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, tar-residenti u tal-pubbliku inġenerali. Għal dan il-għan, qegħdin jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u se jkomplu jiġu implimentati l-miżuri ta’ mitigazzjoni li jirriżultaw mill-valutazzjonijiet tal-esperti, sabiex kull riskju possibbli jiġi kkontrollat bl-aktar mod effettiv.
Bħala parti mill-ħidma fuq il-post, qed issir valutazzjoni tal-kundizzjonijiet eżistenti, inkluża l-istruttura taħt l-art, sabiex jiġu determinati l-miżuri tekniċi u operattivi li huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-inħawi. Il-miżuri ta’ sigurtà se jiġu ddeterminati u aġġornati skont ir-riżultati tal-analiżi u l-pariri tal-esperti.
Min-naħa tagħha, Infrastructure Malta tinsab f’koordinazzjoni diretta mal-awtoritajiet u l-esperti involuti, u se tkun qed tieħu l-azzjonijiet meħtieġa bl-aktar mod spedit skont l-istruzzjonijiet tekniċi u l-valutazzjonijiet tar-riskju li jingħataw.
L-awtoritajiet se jkomplu jsegwu s-sitwazzjoni mill-qrib, filwaqt li jiżguraw li kwalunkwe pass ulterjuri jittieħed biss wara li jkunu ġew identifikati u indirizzati r-riskji rilevanti.
L-awtoritajiet se jkunu qegħdin jaġġornaw lill-pubbliku bl-andament tas-sitwazzjoni fis-sigħat li ġejjin.

