Saturday, March 29, 2025

Imħabbra ‘fuq minn 45 miżura bl-għan li tiġi mitigata l-isfida tat-traffiku

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ippreżenta sett ta’ miżuri bl-għan li tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku. Dawn il-miżuri huma ibbażati fuq numru ta proposti li tħabbru fl-aħħar xhur flimkien ma sensiela ta konsultazzjonijiet pubbliċi u laqgħat bi-laterali fejn ġew sottomessi ‘l fuq minn 600 idea permezz tal-website reshapingourmobility.com. Il-Ministru Bonett spjega kif wara dan il-proċess, saret analiżi u studju dettaljat biex taħt seba’ pilastri, dawn huma l-miżuri ewlenin;

L-ewwel pilastru jinkorpora miżuri biex jiġi limitat l-użu tal-vetturi, b’għadd ta’ inċentivi u għotjiet offruti fosthom:


Għotja ta’ €25,000 jekk iċċedi l-liċenzja u l-karozza għal 5 snin.


Għotja ta’ €1,500 fis-sena għal 4 snin għal żgħażagħ ta’ 17 -il sena li jsuqu scooter u jċedu l-liċenzja.


Għotja ta’ €6,000 jekk iċċedi l-liċenzja u tuża scooter għal 4 snin.


Għotja sa massimu ta’ €1,000 jekk tirrikotti għal xiri ta’ mutur.


Parkeġġ għal studenti Universitarji li jagħmlu car-pooling u jġorru 2 passiġġieri magħhom jew aktar.
Inċentiv aħjar għall-employers li jippromwovu trasport għall-ħaddiema.

It-tieni pilastru huwa ekonomija ta’ 24 siegħa fejn numru ta’ miżuri jindirizzaw servizzi pubbliċi u privati biex isiru f’ħinijiet off-peak. Il-gvern ser imexxi b’eżempju b’tibdil fil-ħin ta’ servizzi bħall-ġbir tal-iskart, indafa tat-toroq u servizzi pubbliċi bħal ħlas tal-liċenzji
Ġbir tal-iskart u tindif tat-toroq f’ħinijiet off-peak ġewwa TM.
Servizz f’off-peak hours fis-settur pubbliku u anke privat.
Studju dwar servizz ġdid ta’ cargo ferry minn Kordin u l-Freeport apparti ċ-Ċirkewwa għal Għawdex.

It-tielet pilastru joffri soluzzjonijiet għall-parkeġġi fil-komunitajiet.
Servizzi ta’ park & ride offruti minn diversi lokalitajiet.
Soluzzjonijiet diġitali għall-parkeġġi u għal min jagħmel użu mill-car-pooling.
Strateġija nazzjonali mmirata li żżid il-parkeġġi għall-muturi, EVs u scooters.

Ir-raba’ pilastru jirrigwarda t-trasport pubbliku, b’rotot ġodda u aktar spissi.
Rotot ġodda għaż-żoni industrijali.
Reviżjoni ta’ numru ta’ rotot biex titjieb il-konnettività u l-frekwenza tagħhom.
Tiġi riveduta l-bus route network u jiġu studjati r-rotot tat-trasport pubbliku.

Il-ħames pilastru huwa t-titjib fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet bejn l-entitajiet kollha konċernati u proġetti infrastrutturali fit-toroq.
Jinħolqu Standard Operating Procedures għal dawk kollha involuti fosthom l-entitajiet, kuntratturi u kunsilli lokali.
Jitfassal pjan annwali ta xogħlijiet.

Is-sitt pilastru jippromwovi metodi għall-ivvjaġġar b’modi ta’ trasport alternattivi.
Tiġi konkluża l-istrateġija nazzjonali għaċ-ċikliżmu.
Tiġi żviluppata strateġija nazzjonali li tippromwovi l-mixi.
Jinħoloq kumitat u jinħatar ambaxxatur għal mobbiltà alternattiva.

Is-seba’ pilastru jikkonċerna r-remote-working fejn bi prinċipju, jidher li hemm qbil pubbliku li dan jgħin biex itaffi l-problema tat-traffiku.
Tibda diskussjoni mal-imsieħba soċjali permezz tal-MCESD biex jiġi identifikat l-aktar mod effettiv kif ir-remote-working jiġi inċentivat fis-settur privat.

Il-Ministru Chris Bonett sostna kif “f’dawn l-aħħar xhur ngħalaq eżerċizzju wiesgħa ta’ parteċipazzjoni pubblika, fejn l-għan kien li npoġġu fuq il-mejda sett ta’ proposti biex nibdlu l-mod ta’ kif inħarsu lejn it-trasport, mhux biss bl-infrastruttura imma wkoll drawwiet, prattiċi u aċċessibbilità”. Huwa kompla billi qal li “dawn bdilnihom f’miżuri, hekk imsejjħa Short-Term Objectives, li ħa jiffurmaw l-ewwel pakkett ta’ implimentazzjoni u li fil-jiem li ġejjin, ser jibdew jittieħdu minn fuq il-karta u jidħlu fis-seħħ b’mod konkret”. L-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri ser tkun mifruxa fuq tmintax-il xahar bi proċess ta’ transizzjoni, pjan ta’ kordinazzjoni bejn entitajiet differenti u, f’xi każijiet, anke tibdil fil-qafas leġislattiv li flimkien ser ikomplu jindirizzaw b’mod dirett il-konġestjoni tat-traffiku.

Il-miżuri kollha jistgħu jiġu aċċessati minn fuq il-website www.reshapingourmobility.com.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport