Thursday, April 18, 2024

Imħabbra sistema awtomatika ta’ ħlas tal-benefiċċju tal-In-Work Benefit

Il-Gvern se jgħin lil madwar 19,000 familja oħra anke jekk ma japplikawx

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minn issa dawk kollha li jikkwalifikaw għall-benefiċċju tal-In-Work Benefit mhux se jkollhom għalfejn japplikaw iżjed għax se jibdew jieħdu din l-għajnuna awtomatikament. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fejn spjega li barra li din l-għajnuna għall-ġenituri li jaħdmu u għandhom tfal taħt it-23 sena maż-żmien żdiedet u twessgħet issa, tħaddnet sistema awtomatika ta’ ħlas mingħajr il-ħtieġa li wieħed japplika għaliha.

Il-ħlas tal-In-Work Benefit, miżura li tinċentiva u tippremja lil min jaħdem, beda jingħata f’dan it-tmiem tal-ġimgħa. F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Ministru Falzon ta dettalji dwar il-pagamenti b’rati mtejba tal-In-Work benefit, qal li l-Gvern issa qiegħed jagħmel pass oltre permezz ta’ sistema awtomatika li se tgħin lil madwar 19,000-il familja oħra, li jirrappreżenta 29,000 tifel u tifla. Dawn mingħajr il-ħtieġa li japplikaw, se jkunu indikati li jikkwalifikaw għall-benefiċċju u jiħduh. 

“Daħħalnieh, wessgħajnieh, żidnieh u issa se naraw li kulħadd jieħu l-benefiċċju. Minn issa, anke jekk ma tapplikax imma tikkwalifika, se tirċievih. Dan huwa pass ieħor li bih pajjiżna se jkun fuq quddiem nett li se jkollu effett pożittiv għal dawn l-eluf ta’ familji u tfal. B’din il-miżura qegħdin naraw l-istampa kollha u se twassal biex aktar nies jikkwalifikaw għal dan il-benefiċċju,” spjega l-Ministru Falzon. 

Żieda fl-ammont bħala ħlas u żieda fl-eliġbibbiltà

Il-benefiċċju tal-In-Work Benefit ġie introdott fl-2015 u maż-żmien baqa’ dejjem jiġi miżjud minn żewġ naħat – kemm f’żieda diretta bħala ammont, kif ukoll wara kien hemm żieda fl-eliġibbiltà għalih. Il-Ministru Falzon ikkonferma li dan wassal biex tingħata għajnuna akbar u li żdiedu n-nies li jikkwalifikaw għalih. Fl-2015 fil-fatt kien hemm 1,400 ġenitur li jaħdmu li kienu jikkawlifikaw għalih, mentri f’din is-sena għandna 7,200. In-nefqa fl-2021 fuq l-In-Work Benefit kienet ta’ madwar €7 miljun.

“Din kienet waħda mill-proposti tal-manifest elettorali u se naraw li jgawdu aktar familji. Fil-bidu l-In-Work Benefit kien parti mill-pakkett ta’ diversi miżuri u l-iskop kien il-kunċett li min jaħdem ikun ippremjat (making work pay),” spjega l-Ministru Falzon.

L-In-Work benefit beda bħala għajnuna għall-ġenituri single imbagħad ġie estiż għall-koppji li wieħed minnhom biss jaħdem. Dan kien twessigħ konsiderevoli għall-eliġibbiltà. Fl-2022 kien hemm estensjoni oħra, din id-darba bħala thresholds li kkwantifikat f’żieda tajba ħafna fil-benefiċċju fejn il-limitu ta’ dħul għal żewġ ġenituri ogħla għal €50,000; għal koppja tela’ għal €35,000 u għall-ġenituri single tela’ wkoll għal dħul massimu ta’ €35,000.

Kif spjega l-Ministru Falzon, “Minn din is-sena b’effett tal-miżuri, qegħdin naraw aktar nies jieħdu dan il-benefiċċju u l-ispiża kompliet tikber. L-estimi bħala spiża addizzjonali fuq dak li diġà kien hemm, hija ta’ €10 miljun oħra fis-sena”.

“Insaħħu l-ġustizzja soċjali u nżidu l-kwalità tal-ħajja”

Dan il-benefiċċju kiseb suċċess kbir u flimkien ma’ benefiċċji oħra fosthom it-Tapering of Benefits u ċ-childcare b’xejn, f’pajjiżna rajna tnaqqis qawwi ta’ 90% u 91% tal-persuni li jiddependu mill-benefiċċji soċjali u l-qgħad rispettivament. 

Il-Ministru Falzon qal li l-In-Work Benefit, flimkien mal-ħafna miżuri introdotti minn dan il-Gvern, ħallew impatt pożittiv ħafna u “Dan juri kemm għalina hija prijorità li ntejbu l-kwalità tal-ħajja. Dan mhuwiex tberbiq jew ħela ta’ flus għax hekk qegħdin inkomplu nsaħħu l-ġustizzja soċjali. Naqqasna l-qgħad u n-nies dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. Qegħdin ninċentivaw lin-nies biex jidħlu u jibqgħu fid-dinja tax-xogħol u b’hekk mhux biss qegħdin intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ġenituri li jaħdmu, iżda wkoll tat-tfal li jgħixu magħhom”.

Ekonomija

Sport