Sunday, December 22, 2024

Imnedija t-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni Fishing for Recipes

Aqra wkoll

Tnediet it-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni Fishing for Recipes, inizjattiva li għandha l-għan li tippromwovi t-tisjir kreattiv tal-ħut tipiku Malti, u l-konsum sostenibbli fost il-familji Maltin u Għawdxin kollha.

Il-kompetizzjoni, li tnediet mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, hija miftuħa għall-istudenti kollha li għandhom bejn 9 u 15-il sena, fejn qed jiġu mħeġġa jipparteċipaw u joħolqu riċetti innovattivi mil-lista ta’ ħut lokali pprovduta mar-regolamenti.

Il-Ministru Clifton Grima faħħar din l-inizjattiva għaliex permezz tagħha qed juru li l-edukazzjoni li qed tingħata fl-iskejjel hija waħda ħolistika u tmur lil hinn mill-edukazzjoni tradizzjonali.

“Din hija inizjattiva oħra fejn qed nedukaw lill-istudenti b’mod differenti. Permezz tal-kompetizzjoni, l-istudenti se jagħmlu riċerka mhux biss fuq is-suġġett, imma wkoll f’dawk li huma tradizzjonijiet ta’ pajjiżna. L-edukazzjoni hija mezz ewlieni biex pajjiżna jżomm it-tradizzjonijiet tiegħu u dawn jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra, filwaqt li din l-inizjattiva se sservi wkoll biex nuru lill-istudenti l-benefiċċji ta’ ikel bnin u ħajja iktar sana,” tenna l-Ministru Grima.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said ħeġġet lil dawk l-istudenti li huma interessati jipparteċipaw sabiex ikunu kreattivi u joħolqu platti u riċetti abbażi ta’ ħut tradizzjonali. “Inħeġġeġ lill-istudenti biex jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni u jressqu l-ideat innovattivi tagħhom. Permezz tal-edukazzjoni u l-għarfien pubbliku nkomplu nsaħħu s-sostenibbiltà,” stqarret is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Għal din il-kompetizzjoni se jkun hemm ġurija biex tagħżel 10 finalisti, li jitħabbru permezz ta’ paġna maħluqa apposta fuq il-midja soċjali, filwaqt li r-ritratti ta’ dawn ir-riċetti, kif ukoll l-ingredjenti użati se jiġu ppubblikati fuq l-istess paġna. L-10 finalisti, se jingħataw l-opportunità li jippreparaw ir-riċetta tagħhom waqt l-Agrifair li se tittella’ f’April li ġej fl-MFCC.

Il-kompetizzjoni Fishing For Recipes tiftaħ fil-11 ta’ Marzu 2024 u kull min huwa interessat għandu jimla’ l-applikazzjoni bid-dettalji mitluba u jibgħatha permezz tal-posta elettronika fuq [email protected] sa nhar il-Ġimgħa 5 ta’ April 2024.

Ekonomija

Sport