Il-Ħamis 11 ta’ Lulju, jiftħu l-applikazzjonijiet għall-korsijiet ta’ Tagħlim tul il-Ħajja għal aktar minn 400 kors f’diversi suġġett differenti, li jvarjaw minn tagħlim ta’ lingwi sa tagħlim ta’ suġġetti prattiċi. Għall-ewwel darba, dawn il-korsijiet huma miftuħa għal dawk minn 15-il sena ‘l fuq.
Il-parti l-kbira tal-korsijiet jibdew f’Ottubru li ġej u jibqgħu għaddejjin sal-aħħar ta’ Mejju u l-maġġoranza tagħhom għandhom tul ta’ 32 ġimgħa, b’uħud li huma iqsar b’massimu ta’ 14-il ġimgħa. Id-Direttorat tat-Tagħlim tul il-Ħajja u l-Impjegabbiltà fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qiegħed jipprovdi dawn il-korsijiet b’sistema ta’ tagħlim personalizzat.
“Qed nerġgħu nenfasizzaw li fejn jidħol it-Tagħlim Tul il-Ħajja, hemm tliet pilastri li qed jingħataw importanza massima: li jkunu mtejba l-opportunitajiet edukattivi għal dawk li jeħtieġu li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom; li jkunu diversifikati kemm il-metodi u l-opportunitajiet għat-tagħlim; u l-kwalità”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt it-tnedija tal-prospett.
Il-Ministru fakkar fil-konsultazzjoni wiesgħa li saret għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030, strateġija li tkopri l-etajiet kollha anki ta’ studenti maturi ta’ kull età li jridu jibqgħu jtejbu l-qagħda tal-ħiliet tagħhom, f’dinja li qed tiżviluppa b’mod mgħaġġel u qed titlob ħiliet ġodda. “Strateġija li hija waħda ħolistika li tiġbor kull settur edukattiv li għandna, fosthom dik li tħares lejn it-Tagħlim Tul il-Ħajja”, qal Grima.
Il-korsijiet jingħataw minn edukaturi u koordinaturi speċjalizzati li jgħinu lil dawk li jattendu u jibqgħu jsegwu sakemm l-istudent jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Matul it-tnedija kien enfasizzat li t-tagħlim huwa l-muftieħ għall-iżvilupp personali, għall-inklużjoni soċjali, għaċ-ċittadinanza attiva u għall-iżvilupp sostenibbli u għalhekk it-Tagħlim tul il-Ħajja joffri l-opportunità lill-istudenti adulti biex ikabbru l-għarfien tagħhom, jiżviluppaw ħiliet ġodda, itejbu l-prospettivi għall-karrieri li huma disponibbli għalihom u jwessgħu l-għarfien professjonali tagħhom.
Il-Ministru qal li l-kwalità hija ċentrali fil-ħidma li qed issir f’settur tant importanti u f’settur li huwa l-pedament ta’ dak kollu li hija l-ħajja tagħna. “Huwa għalhekk li qegħdin kontinwament intejbu l-kwalità tat-tagħlim għall-adulti. Qegħdin naħdmu biex ikollna koordinazzjoni aħjar fis-settur biex inżidu l-parteċipazzjoni ta’ tagħlim għall-adulti f’kull tip ta’ edukazzjoni: formali, mhux formali u informali. Dan għandu jwassal għall-kisba ta’ ħiliet marbuta ma’ xogħlijiet, għal ċittadinanza attiva jew għal żvilupp u sodisfazzjon personali”, temm jgħid il- Grima.
L-applikazzjonijiet jiftħu mill-11 ta’ Lulju sat-8 ta’ Awwissu u wieħed jista’ japplika billi jmur fuq is-sit elettroniku www.lifelonglearning.gov.mt.