Tuesday, December 24, 2024

Implimentati l-ewwel miżuri tal-istrateġija kontra l-vjolenza domestika

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, qalet li tliet xhur biss mit-tnedija tat-tielet Strateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika ġew implimentati miżuri li jsaħħu l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u jagħtu protezzjoni akbar lill-vittmi.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet dan meta ġiet ippreżentata bir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, mill-Kummissarju Samantha Pace Gasan.

Ir-rapport jelenka l-ħidma li saret mill-Kummissjoni fosthom fuq it-tielet Strateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Domestika bit-titlu, ‘Ningħaqdu, Ninvolvu, Nelevaw’ li tnediet f’Novembru li għadda u b’rabta mat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ inkjesta mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia. 

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-impenn kontra l-vjolenza domestika ma jista’ jieqaf qatt. Hija qalet li fi żmien li ġej ser isiru emendi fil-liġi dwar il-vjolenza domestika biex titwettaq rakkomandazzjoni oħra tar-rapport Valenzia.

Hija qalet ukoll li qegħdin jinkisbu riżultati tajbin mill-Hub ta’ Santa Luċija fejn isiru rapporti lill-pulizija dwar każi ta’ vjolenza domestika.

Żiedet tgħid li kellha reazzjoni pożittiva mid-diplomatiċi barranin għall-fatt li din l-istrateġija qed taħseb ukoll biex tilħaq komunitajiet oħra f’pajjiżna. Semmiet ukoll li kien pass tajjeb li saru l-arranġamenti biex il-vittmi tal-vjolenza domestika li jkollhom bżonn ċertifikat mediku jingħataw prijorità mis-servizzi tas-saħħa meta jkunu akkumpanjati mill-pulizija.

Il-Kummissarju Pace Gasan qalet li l-Kummissjoni qiegħda taħdem id f’id ma’ bosta entitajiet, kemm tal-gvern kif ukoll dawk mhux governattivi, għat-twettiq tal-miżuri tal-istrateġija fosthom fi ħdan il-Kumitat Interministerjali, waqt li għaddejja b’kampanji ta’ għarfien u taħriġ ma’ setturi varji li jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ każi ta’ vjolenza domestika.

Ekonomija

Sport