IMPORTANZA AKBAR LILL-KUNSILLI LOKALI

Aqra wkoll

Fis-snin riċenti kienu bosta u diversi d-deċiżjonijiet li ttieħdu u li kienu mmirati biex il-Kunsilli Lokali jibqgħu jkunu provduti b’aktar fondi li jkunu jistgħu jiġu investiti f’servizzi u proġetti li ma setgħux iwettqu qabel. Dawn il-fondi jibqgħu kruċjali għaliex b’dak li jkun qiegħed jiġi mwettaq f’dawn il-lokalitajiet, fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f’titjib għall-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-lokal.

L-esperjenza wriet li dawn il-proġetti, li jvarjaw minn interventi żgħar għal oħrajn ta’ portata akbar, iħallu wkoll impatt pożittiv għaliex b’dan il-mod ikunu qed jiġu indirizzati ċertu lmenti jew tħassib mir-residenti nfushom. U dan huwa rwol importanti li l-Gvern Lokali għandu jibqa jkattar u jikkultiva, billi mhux biss jisma’ l-ilmenti direttament mingħand in-nies imma jaġixxi dwarhom. 

Għalhekk dejjem emminna li l-koordinament bejn l-entitajiet kollha tal-Gvern u l-Kunsilli Lokali jwassal għal riżultati dejjem aħjar għar-residenti. B’dan il-mod ukoll, il-Kunsilli jkunu involuti dejjem aktar fl-ippjanar u t-twettiq ta’ proġetti li jsolvu kwistjonijiet li jolqtu r-residenti f’inqas ħin.

F’dan il-kuntest, aktar kmieni din il-ġimgħa tħabbar ftehim ġdid bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta. Ftehim li se jkompli jibni fuq it-tajjeb li diġa sar u se jagħti aktar riżorsi lill-Kunsilli Lokali biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet konkreti tar-residenti tal-lokalitajiet tagħhom. 

Dan il-ftehim ġdid se jara żieda sostanzjali fl-allokazzjoni ta fondi li se tiżdied minn €10 miljun għal €12.8 miljun, fuq perjodu ta’ sentejn. Investimenti u inizjattivi bħal dawn nixtiequ naraw jissoktaw u konvinti li hekk se jsir. Għalhekk u b’sodisfazzjon ninnutaw li dan l-investiment se jkun konformi mal-prinċipju li l-Kunsilli Lokali għandhom jibqgħu jidentifikaw huma l-prijoritajiet skont il-ħtiġijiet reali taċ-ċittadini li jirrappreżentaw. 

Naturalment, kull lokalità għandha l-isfidi partikolari tagħha. U għalhekk importanti li dawn jibqgħu jkunu provduti bir-riżorsi meħtieġa sabiex il-prijoritajiet tal-komunitajiet jinbidlu fi proġetti konkreti. U b’hekk jintlaħqu wkoll l-aspettattivi tan-nies. 

Għandna għax nemmnu li dan l-approċċ se jkompli fiż-żmien li ġej. Dan qed ngħiduh ukoll fil-kuntest li l-qalba diġitali u t-tħaris tal-ambjentali iridu jibqgħu fost l-ogħla prijoritajiet għall-Kunsilli Lokali. Id-diġitalizazzjoni tagħti l-opportunità lir-residenti biex jinqdew mill-kumdità ta’ darhom fil-firxa wiesgħa ta’ servizzi offruti kemm mill-Gvern Ċentrali kif mill-Gvern Lokali. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport