Mal-1,500 persuna għadhom nieqsa fl-għargħar fin-Nepal … l-għadd ta’ mwiet tela’ għal iktar minn 160

Aqra wkoll

Mal-1,500 persuna, il-parti l-kbira tagħhom turisti, għadhom ma nstsabux wara li għargħar qawwi laqat l-inħawi qrib il-fruntiera tan-Nepal u Tibet. L-għargħar qered għal kollox villaġġi sħaħ, bin-numru ta’ mwiet sa issa tela’ għal 165. 

Il-ħaddiema tas-salvataġġ għaddejjin b’ħidma kontinwa biex isibu aktar persuni f’dan ir-reġjun popolari fost dawk li jħobbu t-trekking u l-pellegrini, inkluż mijiet ta’ persuni mill-Indja, mill-Istati Uniti, l-Awstralja, r-Renju Unit u l-Kanada.

Filmati li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali matul il-jum tal-Erbgħa, urew kwantità kbira ta’ ilma nieżla b’qawwa fuq żona waqt li n-nies jippruvaw jaħarbu minn fuq il-post. B’konsegwenza ta’ dan, inqalbu trakkijiet filwaqt li d-djar, toroq u proġetti tal-enerġija inġarru mill-ilmijiet fin-Nepal. 

L-uffiċjali fit-Tibet esprimew ukoll it-tħassib tagħhom dwar “għadd kbir ta’ vittmi” wara li valanga ta’ tajn laqtet punt ta’ qsim tal-fruntiera. Fiż-żoni milquta, djar, siġar u vetturi spiċċaw mgħarrqa taħt it-tajn tal-valangi. 

Mal-midja internazzjonali, persuni li rnexxielhom isalvaw minn dan il-katastrofi rrakkontaw dak li sabu ma’ wiċċhom u li ma kinux qed jistennewh. “Bdejt niġri. Rajt ħajt kbir ta’ ilma nieżel, bħallikieku kien terremot,” qal Bibek Kumal, f’kummenti mal-midja internazzjonali. 

Minn fuq is-sodda tiegħu fl-isptar, Kumal jgħid li safa mkaxkar ’l isfel max-xmara fost it-tajn u d-debris, iżda rnexxielu jżomm ma’ siġra tal-mango. “Li kieku ma kienx hemm din is-siġra, kont ninġarr ’il bogħod u mmut,” huwa żied jgħid. 

Keshav Prasad Baral, ta’ 68 sena, li kien qed jingħata l-kura fi sptar żgħir, qal: “Kien hemm ammont kbir ta’ tajn li ġie direttament lejna. Hekk kif kompla jersaq viċin, dan beda jogħla dejjem aktar.

“Ippruvajt naqbad id marti u neħodha fuq it-terrazzin. Iżda t-tajn ġarrha miegħu. Erba’ jew ħames sigħat wara, wasal ħelikopter biex isalvani. Marti għadha xi mkien taħt it-tajn.”

David Fisher, il-Kap tad-Delegazzjoni Nepaliża tal-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, sostna li “rħula sħaħ u żoni oħra nqerdu kompletament”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport