Malta tilqa’ kelb ieħor li se jkompli l-vjaġġ tiegħu biex isir kelb ta’ assistenza

Aqra wkoll

Il-Gvern se jkun qed isaħħaħ is-servizz tal-klieb ta’ assistenza f’Malta permezz ta’ ftehim ġdid mas-Service Dogs Malta Foundation, b’investiment ta’ aktar minn €150,000 fuq medda ta’ tliet snin. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat se jinvesti aktar minn €50,000 fis-sena bejn l-2027 u l-2029, fost l-oħrajn fit-taħriġ ta’ tlett iklieb tas-servizz kull sena.


Dan il-ftehim tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fi Brussell, hekk kif Ink, ġeru Labrador li se jitħarreġ biex isir kelb tas-servizz, beda l-vjaġġ tiegħu lejn Malta sabiex ikompli l-proċess ta’ soċjalizzazzjoni u taħriġ tiegħu. L-isem Ink intgħażel bħala taqsira tal-kelma “inklużjoni”, b’rabta diretta mal-ħidma tal-Ministeru.

Il-ftehim se jwettaq wegħda elettorali, li permezz tagħha l-Gvern intrabat li jkompli jaħdem mas-Service Dogs Malta Foundation u jibda jalloka fondi kull sena għat-taħriġ ta’ klieb imħarrġa apposta biex jassistu persuni b’diżabilità jew kundizzjonijiet differenti, bil-għan li jgħixu ħajja aktar indipendenti u jipparteċipaw b’mod aktar attiv fis-soċjetà.

Il-ftehim jibni fuq il-ħidma li saret fl-aħħar leġiżlatura, meta l-Gvern ħoloq spazju ddedikat fiċ-Ċentru tal-Volontarjat Jake Vella f’Raħal Ġdid, minn fejn is-Service Dogs Malta Foundation setgħet tkompli tiżviluppa u toffri s-servizzi tagħha.

Ink irċieva l-ewwel taħriġ tiegħu ta’ soċjalizzazzjoni għand Scale Dogs fil-Belġju. Matul din il-fażi beda jitgħallem jimxi biċ-ċinga fit-triq u ġie espost għal ambjenti, persuni u annimali differenti, fosthom f’ristoranti, ħwienet u supermarkets. Qabel il-vjaġġ tiegħu lejn Malta, Ink tħarreġ ukoll biex juża mezzi differenti ta’ trasport sabiex ikun ippreparat għall-vjaġġ bl-ajru.

Il-kelb ingħata t-tilqim meħtieġ u sarulu l-eżamijiet mediċi kollha qabel il-wasla tiegħu f’Malta. Dan il-proċess seta’ jsir permezz tas-sħubija tas-Service Dogs Malta Foundation fl-Assistance Dogs International u fil-European Breeding Cooperative.

Mal-wasla tiegħu f’Malta, Ink se jingħaqad ma’ familja li se tkun qed trabbih u li, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni, se tkompli l-proċess ta’ soċjalizzazzjoni tiegħu. Aktar ’il quddiem, meta jkun laħaq l-età meħtieġa, jibda taħriġ formali ma’ trainer professjonali biex jiġi ppreparat biex eventwalment jingħaqad ma’ persuna li tkun teħtieġ l-assistenza tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-klieb tas-servizz jistgħu jipprovdu appoġġ prattiku importanti, jgħinu fil-mobilità u fl-orjentazzjoni, u jsaħħu l-indipendenza, il-kunfidenza u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jagħmlu użu minnhom.

Il-Ministru Julia Farrugia saħqet li dan il-ftehim huwa eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern qed iwettaq il-wegħdiet tiegħu permezz ta’ miżuri konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. “Qed ninvestu f’servizz li jagħti aktar libertà u awtonomija lill-individwu. Permezz ta’ dan il-ftehim mhux biss qed insostnu l-ħidma importanti tas-Service Dogs Malta Foundation, iżda qed noħolqu aktar opportunitajiet biex persuni li jeħtieġu din it-tip ta’ assistenza jkunu jistgħu jgħixu b’aktar indipendenza u jipparteċipaw bis-sħiħ fil-komunità,” qalet il-Ministru.

Joseph Stafrace minn Service Dogs Malta Foundation stqarr li, “Illum iltqajna ma’ Ink għall-ewwel darba, u din hija konferma tal-wegħda elettorali li fl-ewwel mitt jum tingħata għajnuna finanzjarja lis-Service Dogs Malta Foundation. Din l-għajnuna se tkompli tgħin lill-fondazzjoni biex, fl-aħħar mill-aħħar, inkomplu nħarrġu aktar klieb li jkunu jistgħu jgħinu u jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-persuni li jużaw service dog. Dan ifisser li l-persuna jkollha aktar indipendenza u aktar opportunitajiet biex tqatta’ ħin ta’ kwalità mal-ħbieb u l-familjari tagħha, filwaqt li tgawdi kwalità ta’ ħajja aħjar. Nirringrazzjaw għall-għajnuna li se tingħata, li se tippermetti lis-Service Dogs Malta Foundation tkompli tikber, tissaħħaħ u tagħmel aktar suċċess fil-ħidma importanti tagħha.” 

Mal-wasla ta’ Ink f’Malta, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, huwa ngħaqad mal-familja Coleiro, li se jkunu il-puppy raisers tiegħu għax-xhur li ġejjin. Matul dan il-perjodu, Ink se jgħix mal-familja u jingħata t-taħriġ u l-esperjenza meħtieġa biex jiżviluppa l-ħiliet tiegħu. Fi tmiem dan il-perjodu, se tiġi identifikata l-persuna ideali li magħha Ink ikun jista’ jibqa’ jgħix għal dejjem u jagħti l-għajnuna u l-indipendenza lill-persuna li tkun teħtieġ.

Fi Brussell il-Ministru Julia Farrugia kienet akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Stephanie Rocco, kif ukoll mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Belġju Dr Vanni Xuereb.

Ritratti: MIV

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport