L-Iskola Primarja tal-Belt Valletta qed tiġi totalment rinovata għal skola ġdida

Aqra wkoll

L-Iskola Primarja tal-Belt Valletta, li tifforma parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, għaddejja minn tiġdid estensiv b’investiment ta’ madwar €2.2 miljun, li se jwassal għal titjib sostanzjali fil-klassijiet, il-faċilitajiet u l-infrastruttura tal-iskola. L-investiment għandu l-għan li joħloq ambjent edukattiv aktar modern, aċċessibbli, sigur u sostenibbli għall-istudenti u l-edukaturi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri żar l-iskola fejn segwa l-progress tax-xogħlijiet li bħalissa għaddejjin bħala parti mill-ewwel fażi tal-proġett. Ix-xogħlijiet qed jitwettqu f’żewġ fażijiet, sabiex parti mill-iskola tkun tista’ tibqa’ operattiva waqt li jsiru l-interventi fil-parti l-oħra.

Il-Ministru Camilleri qal li dan l-investiment huwa parti mill-ħidma kontinwa biex l-iskejjel ikomplu jiġu modernizzati u joffru ambjent ta’ kwalità li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-istudenti u l-edukaturi.

“Din hija skola bi storja importanti fil-qalba tal-Belt Valletta, li għal ħafna snin kienet parti mill-edukazzjoni ta’ ġenerazzjonijiet ta’ tfal Beltin. Illum qed ninvestu biex din l-istorja tkompli, billi nġeddu l-iskola u nagħtu lill-istudenti u lill-edukaturi ambjent modern, inklużiv u mgħammar għall-ħtiġijiet tal-lum. L-investiment fl-infrastruttura edukattiva huwa investiment dirett fil-kwalità tal-edukazzjoni, għaliex irridu li dak li noffru fil-klassi jkun sostnut minn ambjent li jagħti lill-istudenti l-aħjar kundizzjonijiet biex jitgħallmu, jiżviluppaw u jilħqu l-potenzjal tagħhom. Huwa b’dan il-mod li qed inkomplu nġeddu l-iskejjel tagħna: filwaqt li nħarsu l-identità tagħhom, inħejjuhom biex ikomplu jaqdu lill-istudenti u lill-komunitajiet tagħna għas-snin li ġejjin,” qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chief Engineer fi ħdan id-Direttorat tal-Loġistika u l-Infrastruttura Ruben Briffa spjega li fi żmien ftit ġimgħat mistenni jitlesta x-xogħol fuq l-ewwel nofs tal-iskola, filwaqt li matul dawn ix-xogħlijiet in-nofs l-ieħor baqa’ operattiv.

Briffa spjega li l-intervent f’din il-parti tal-iskola kien wieħed estensiv, tant li ż-żona ġiet żarmata kompletament sal-istruttura tal-binja, biex imbagħad ġew installati mill-ġdid is-sistemi tal-elettriku, l-ilma, id-drenaġġ u l-komunikazzjoni. Sar ukoll xogħol fuq is-sistemi tal-arja kkundizzjonata u l-pannelli fotovoltajċi. Biex tkun tista’ titħaddem is-sistema tal-arja kkundizzjonata, kellha ssir trinka mis-substation li tinsab madwar 60 metru ’l bogħod mill-iskola, li fiha tqiegħed cable ġdid.

Sar ukoll xogħol estensiv ta’ kisi u tqegħid ta’ madum, flimkien ma’ kmamar tal-banju ġodda, b’faċilità aċċessibbli għal persuni b’diżabilità f’kull sular. Qed jiġu installati twieqi ġodda double-glazed, manifatturati mill-ħaddiema tal-Ministeru, filwaqt li s-suffitti u l-bibien li se jitwaħħlu wkoll ġew manifatturati minn tim tal-Ministeru.

L-inklużjoni hija wkoll parti integrali mit-tiġdid tal-iskola, b’kuluri u finishes magħżula biex iqisu l-ħtiġijiet sensorjali ta’ studenti bl-awtiżmu u jgħinu biex jinħoloq ambjent edukattiv aktar adattat għalihom.

Il-klassijiet kollha u l-uffiċini amministrattivi se jkunu mgħammra b’sistemi ġodda tal-arja kkundizzjonata, filwaqt li qed jissaħħu wkoll is-sistemi tas-sigurtà permezz ta’ sistema ta’ detezzjoni tan-nar, alarm kontra dħul mhux awtorizzat, CCTV fl-ispazji komuni u sistema ta’ public address.

Il-proġett jinkludi wkoll it-tiġdid u t-tagħmir tas-sala tal-iskola, kif ukoll xogħlijiet fl-ispazji sportivi u rikreattivi fuq barra, fejn fost l-oħrajn qed jiġu installati ħaxix artifiċjali u żoni għall-isport. Dawn l-ispazji se joffru lill-istudenti ambjent aħjar għall-attività fiżika, ir-rikreazzjoni u t-tagħlim barra mill-klassi.

It-tiġdid tal-Iskola Primarja tal-Belt qed isir fil-qafas tal-EDU Infrastructure Programme, programm ta’ 13-il sena li permezz tiegħu kull sena qed isiru interventi mmirati fi tmien skejjel. Il-programm jifforma parti mill-ħidma marbuta mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 u għandu l-għan li jkompli jtejjeb il-kwalità, l-aċċessibbiltà, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ambjent edukattiv.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport