Saturday, December 21, 2024

Imut l-‘ikona tal-baned Maltin’

Aqra wkoll

Wiċċ familjari ma’ ħafna nies b’mod partikolari dawk li huma midħla tal-festi Maltin. Lil Ġan Pastist, dejjem kont tarah bl-istandard tal-banda. Persuna li ħadem fis-servizz għal xi żmien u anke serva l-Ġermanja. Għalih l-istandard kien xi ħaġa speċjali, għalkemm beda jerfa’ l-istandardi meta kellu 13-il sena. Ġan Patist hu ikona tal-baned Maltin.

Wiċċu dejjem daħkan tiegħu. Dejjem seren. U meta titkellem miegħu il-kliem jaqa’ fuq il-baned u l-festi.  Proprju dalgħodu tħabbret il-mewt tiegħu. Hu se jingħata l-aħħar tislima nhar l-Erbgħa li ġej. Minkejja l-età tiegħu hu kien għadu joffri s-servizzi tiegħu u l-għajnuna kollha, lil Banda Konti Ruġġieru. Ta’ kuljum kont issibu jiftaħ il-kappella biex fiha jingħad ir-rużarju ta’ kuljum.

Oriġinarjament hu mill-Mellieħa imma kien jgħix il-Buskett, fejn għal ħafna snin ħadem bla heda biex ir-raħal ta’ Ħad-Dingli ikollu il-banda tiegħu. Lil Ġan Patist konna għamilnielu żewġ intervisti fl-aħħar snin. Waħda fuq ħajtu u l-esperjenzi tiegħu u oħra dwar is-sehem tiegħu mal-baned.

Fl-aħħar intervista  konna ktibna hekk: “kull tmiem il-ġimgħa se tarah f’xi festa.  Dejjem issibu quddiem il-banda iġorr l-istandard. Wiċċ familjari mad-dilettanti tal-festi u ma’ dawk li jżuru l-ibliet u l-irħula fil-festi. Anki jekk ma tkunx tafu lil Ġan Patist se tagħrfu mill-ewwel. Ikellem lil kulħadd u bid-daħka tiegħu ma jistax ma jiġbdekx. Illum jgħodd 80 sena.  Ilu 67 sena iġorr l-istandardi tal-baned Maltin. Tista’ tgħid li ġarr il-parti l-kbira tal-istandardi. Imma x’inhi din il-passjoni lejn l-istandardi tal-baned? Għaliex miġbud daqshekk biex jerfagħhom, li ejja ngħiduha kif inhi fihom rabta u impenn mhux żgħir.”

“ Lil Ġan Patist meta tistaqsieh iwieġeb bla tlaqlieq. “Il-banda inħobbha. Iffissat jien. Il-marċi jogħġbuni ħafna. Mindu kont żgħir kont miġbud lejn il-baned. Kont anke indoqq, imma waqaft kmieni.” Jgħidilna li l-banda tirrappreżenta soċjetà f’raħal jew belt. Ittella’ l-mużiċisti. Ara ħafna mill-mużiċisti primi li hawn, anki mal-orkestra minn fejn ħarġu.  Kollha mill-baned. L-istandard, hu dak li juri dik il-banda min hi. Juri l-arma tal-banda. L-istandard jurik dik il-banda liema hi. Tħares lejn l-istandard u tgħid dik il-Banda tat-tali post. Ħares lejn l-istandard tal-Banda Ruġġieru. Tarah kaxxi bojod u ħomor. Mill-ewwel tgħid din il-Konti Ruġġieru tar-Rabat. Tal-iljun fil-Mellieħa, tara l-istandard bid-dinja u l-iljuni – tgħid din il-Banda Imperial”.

L-istandardi issibhom esposti fil-każin…. għax dak jagħti l-identità

“Ġan Patist, laqgħana fid-dar tiegħu l-Buskett. Kif tidħol f’daru ma jistgħux ma jolqtukx ritratti tiegħu jerfa’ l-istandard. Fost ir-ritratti kien hemm tnejn f’post prominenti. Dak qiegħed jerfa’ l-istandard tal-Banda Santa Marija ta’ Ħad-Dingli li hu kien wieħed mill-fundaturi tagħha u dak qed jerfa’ l-istandard tal-Banda Konti Ruġġieru. Jgħidilna li “l-istandard ifisser ħafna. Issibu espost fil-każin. U ssibu f’post prominenti. Banda bla standard mhi xejn. Meta tara banda bla standard x’tgħid? Din x’banda hi? Ingħaqdu erba’ bandisti u intefgħu idoqqu? Kemm hi differenti meta tara l-istandard quddiem il-banda, bl-emblema. Tħares lejn l-arma u jekk ma tagħrafhiex tistaqsi ta’ fejn hi”.

Jisħaq li “l-istandardi huma parti mill-istorja tal-baned tagħna. Hemm minnhom li saru snin twal ilu. Illum forsi l-kundizzjoni tagħhom mhix daqstant tajba, iżda dawn jagħmluhom f’vetrina u jinżammu. Għax dak hu parti mill-istorja. Ġieli tara ritratt antik, u tara l-istandard. Jekk ma tkunx taf liema hi dik il-banda, tista’ tasal għaliha mill-istandard”.

Imma hemm xi wieħed jogħġbu aktar minn oħrajn. Għal din id-domanda, Ġan Patist jiddikjara li “kollha jogħġbuni. L-istandardi kollha differenti u kollha sbieħ. Juru l-identità. Kollha marbutin ma’ qalbi”.

Bdejt nerfa’ mindu kelli 13-il sena… ilni nerfa’ 67 sena

“Bdejt nerfa’ l-istandardi mindu kelli 13-il sena. Ilni 67 sena nerfa’ l-istandardi. L-ewwel standard li erfajt kien tal-Banda La Vittoria.  Jien Mellieħi u meta kont żgħir kont mort nitgħallem il-banda magħhom. Kont ħriġt indoqq. Konna kunċert u żbaljajt żewġ noti. Is-surmast kien ġibidli l-attenzjoni. Waqaft u ma daqqejtx aktar. Riduni nkompli ndoqq. Jien imma iddeċidejt li nibda nerfa’ l-istandard Tliet kwarti tal-istandardi kollha tal-baned f’Malta xi ħin jew ieħor għaddew minn taħt idejja. Għamilt żmien fl-armata u mal-Ingliżi. Hemmhekk ukoll tara kemm l-istandard hu importanti. L-istess bħal fil-baned, hu l-istandard li jmexxi l-banda.”

Ekonomija

Sport