Imwettqa wegħda elettorali oħra fil-qasam tal-IVF, filwaqt li jkompli jissaħħaħ l-aċċess għall-ittestjar ġenetiku

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg u l-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar, żar il-Klinika tal-Assisted Reproductive Technology (ART) u l-Laboratorju tal-IVF fl-Isptar Mater Dei. Matul din iż-żjara l-Prim Ministru ra mill-qrib ix-xogħol li qed isir biex aktar persuni u familji jkollhom il-possibbiltà li jsiru ġenituri.

Huwa ltaqa’ wkoll ma’ tobba, infermiera, qwiebel u speċjalisti fl-embrijoloġija. Filwaqt li ngħata spjegazzjoni dwar l-istadji differenti tal-proċess tal-IVF, mill-ħażna tal-embrijuni sal-proċeduri fil-laboratorju. Iż-żjara ntemmet b’laqgħa ma’ rappreżentanti mediċi u amministrattivi.

Din iż-żjara saret fl-isfond tat-twettiq ta’ wegħda oħra mill-manifest elettorali. Dan hekk kif il-lista ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi eliġibbli għall-Preimplantation Genetic Testing for Monogenic Disorders, magħruf aħjar bħala l-PGT-M, qed tiġi mwessgħa bl-inklużjoni ta’ sbatax-il kundizzjoni. Din il-proċedura tista’ tintuża minn ġenituri prospettivi sabiex jevitaw li jgħaddu kundizzjonijiet ta’ saħħa li jintirtu lil uliedhom.

Il-Prim Ministru qal li wara li fl-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura preċedenti l-Gvern introduċa emendi fil-liġi dwar l-IVF, fosthom l-introduzzjoni tal-PGT-M, issa, f’konformità mal-impenn elettorali tiegħu, qed ikompli jwessa’ l-lista ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi li għalihom jista’ jsir dan it-test b’mod volontarju. Dan il-pass mhux biss se jagħti l-opportunità lil aktar koppji sabiex isiru ġenituri, iżda se jagħti serħan il-moħħ lill-ġenituri dwar is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja ta’ wliedhom. Dr Abela żied jgħid li dawn il-bidliet leġiżlattivi se jnaqqsu burokrazija fil-proċessi filwaqt li jikkonfermaw l-impenn ta’ din l-amministrazzjoni li tkompli ssaħħaħ servizz dejjem aktar inklussiv, modern u msejjes fuq l-aħħar avvanzi fix-xjenza u l-mediċina.

Huwa għamel ukoll referenza għal dak li ġie mħabbar ftit tal-ġranet ilu fejn pajjiżna rreġistra riżultati ferm ogħla minn dawk tal-medja Ewropea, kemm fit-trattamenti tradizzjonali tal-IVF kif ukoll f’dawk bl-użu ta’ donor sperm u donor oocytes. Huwa rrimarka li dawn ir-riżultati pożittivi juru biċ-ċar li r-riformi u l-investiment kontinwu li saru matul dawn l-aħħar snin qegħdin iwasslu għar-riżultati pożittivi ferm. Matul is-sena l-oħra, jiġifieri f’sena waħda biss, twieldu rekord ta’ 254 tarbija permezz tal-IVF, filwaqt li minn mindu bdew jingħataw is-servizzi tal-IVF f’Malta twieldu aktar minn 1,000 tarbija.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern se jibqa’ jara li jkompli jinvesti fil-mediċina riproduttiva biex aktar familji jingħataw tama, appoġġ u opportunitajiet xierqa biex isiru ġenituri. Huwa rringrazzja lill-professjonisti kollha għad-dedikazzjoni tagħhom kif ukoll għall-kura speċjalizzata li jagħtu ta’ kuljum lill-pazjenti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport