Thursday, April 18, 2024

“Imxejna għal politika iżjed umana”

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li waħda mill-akbar riformi li Gvern Laburista mexxa ‘l quddiem b’kuraġġ kienet l-introduzzjoni tal-Att dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis.

Qalet li bis-saħħa ta’ dan ir-riforma ddaħħlu numru ta’ prinċipji fil-liġi li mmarkaw bidla sinjifikanti ħafna fil-mod kif l-istat iħares lejn dan is-suġġett. “Imxejna għal politika iżjed umana. Għax qegħdin hawn biex nibnu soċjetà aktar ġusta. Biex ma nħallux inġustizzji ġodda jerfgħu rashom.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

“Nemmen li l-aktar għan kruċjali tar-riforma hi li pemezz tagħha se nkunu qed nipproteġu lil dawk li jagħmlu użu mill-kannabis għal-użu responsabbli. B’hekk qed niġġiledu traffikar b’mod effettiv,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Hija nsistiet li b’din il-liġi mhu se jsir l-ebda kummeċjalizzazzjoni tal-kannabis. “Din il-liġi u bil-qafas regolatorju sod irridu li dan iservi biex jintlaħaq l-iskop ta’ harm reduction għal persuni li jikkonsmaw il-kannabis.”

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li ma rridux li aktar żgħażagħ jispiċċaw b’kondotta mċappsa għal għomorhom sempliċiment għax ikunu ħadu joint.

“Irridu li persuna li se tagħmel użu mill-kannabis tagħmel deċiżjoni infurmata fl-aħjar interess tagħha. Nemmnu li s-soċjetà tagħna waslet għal dan il-pass kuraġġjuż b’sens ta’ ġustizzja soċjali. Se nkomplu mexjin b’kawtela. Bħala gvern se nibqgħu miftuħin għad-djalogu,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Ekonomija

Sport