“In-newralità ta’ Malta ma tfissirx li aħna indifferenti għall-uġigħ u t-tbatija kkawżati mill-invażjoni illegali tar-Russja fl-Ukrajna. F’dan l-ispirtu ta’ paċi, Malta qiegħda ssejjaħ lir-Russja biex tirtira l-forzi tagħha mit-territorju sovran tal-Ukrajna. U nappellaw lin-nazzjonijiet kollha biex jingħaqdu sabiex din il-gwerra tiġi fi tmiemha.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ b’saħħtu li għadda ftit tal-ħin ilu waqt li kien qed jindirizza t-78 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.
Fid-diskors tiegħu, Dr Abela qal li Malta se tibqa’ dejjem tkun miftuħa għad-dinja u li qatt mhu se tagħti daharha lill-ġirien tagħha. Qal li Malta se tkompli taħdem bla waqfien mal-imsieħba tagħha, fl-Ewropa u anke lil hinn, favur il-paċi u għas-saltna tad-dritt.Huwa tenna li s-sitwazzjoni, diġà prekarja, tas-sigurtà globali tal-ikel saret ħafna agħar bl-invażjoni tal-Ukrajna.
F’dan l-isfond, Malta ħeġġet lir-Russja biex terġa’ tingħaqad fl-inizjattiva tal-Qamħ tal-Baħar l-Iswed u tieqaf tfixkel il-provvisti vitali tal-ikel li jitilqu mill-Ukrajna biex ikunu mitmugħa dawk l-aktar fil-bżonn fid-dinja. Dr Abela qal ukoll li l-aktar kwistjoni urġenti bħalissa fil-Mediterran hija l-Libja. Malta tixtieq tara Libja paċifika, stabbli u prospera – permezz ta’ proċess politiku mmexxi minn dan il-pajjiż.
Huwa vitali li l-komunità internazzjonali kollha tinkoraġġixxi dan il-proċess u tagħti lill-poplu Libjan l-appoġġ li għandu bżonn biex jegħleb din l-instabilità, li għaliha ħallas prezz daqshekk għoli. Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern diġà enfasizza l-impenn ta’ Malta lill-Afrika billi fetaħ missjonijiet diplomatiċi fil-Ghana u l-Etjopja u anke billi daħħal fis-seħħ l-ewwel strateġija nazzjonali għall-Afrika.