Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u x-xatt tal-Kalkara, xogħol li twettaq mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC). B’dan il-proġett inħoloq spazju miftuħ għall-familji ta’ 16,500m2 fil-qalba tal-komunità, żona pedonali ta’ 3,000m2 fl-istess pjazza, promenade msebbħa bi street furniture u sistema ta’ dawl aħjar, bandli ġdid u sistema ġodda ta’ servizzi flimkien ma’ siġar imħawla li komplew isebbħu d-dehra tal-qalba tal-Kalkara.
F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif reġgħet inħolqot pjazza li ngħatat lin-nies. Qal li dan kien proġett importanti fost proġetti oħra kbar li għaddejjin fil-Kottonera li dan il-Gvern jemmen fil-potenzjal tagħha. Dr Abela nnota kif din il-parti ta’ Malta qed tiġbed lejha investiment sabiħ bi proġetti ta’ kwalità li jpoġġu lill-familji fil-qalba. F’dan il-kuntest il-Prim Ministru saħaq fuq il-bilanċ fejn xogħol ta’ riġenerazzjoni ma jfissirx li jinħatt dak tal-imgħoddi iżda li jiġu ppreservati l-karatteristiċi.
“Aħna lill-Kalkara rriduha isbaħ imma b’dan infissru wkoll li rriduha tibqa’ bil-karatteristiċi partikolari tagħha,” sostna l-Prim Ministru Robert Abela hu u jinnota kif il-proġett tal-GHRC, li bih ingħatat pjazza oħra lin-nies, ħa naraw post li kien okkupat mill-vetturi issa se jfisser spazju għat-tgawdija tal-familji u fejn ix-xatt hu isbaħ biex jitgawda minn kulħadd. Il-Prim Ministru semma wkoll l-irwol tal-Kunsilli Lokali fix-xogħlijiet importanti li jsiru b’kollaborazzjoni mal-entitajiet tal-Gvern.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet li dan hu proġett ewlieni li permezz tiegħu il-Kalkara sbieħet, is-servizzi ġew immodernizzati u ngħata spazju li permezz tiegħu ċ-ċentru tal-lokalità sar tassew il-qalb tħabbat tal-Kalkara.
“Proġett li huwa wkoll simbolu tal-impenn tagħna li nkomplu noħolqu aktar spazji miftuħa, fejn il-komunità, il-familji u n-nies jistgħu jiltaqgħu; fejn bl-attivitajiet ekonomiċi u kulturali, noffru mumenti ta’ serħan għar-residenti u anke lil min iżur il-gżejjer tagħna,” sostniet il-Ministru Dalli.
Fl-istess inawgurazzjoni tkellmu wkoll is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina u l-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi. Is-Sindku Aquilina qal, “Kburi li wasalna s’hawn. Qed inroddu xatt u pjazza mill-isbaħ, lura lin-nies. Proġett li biddel id-dinamika tal-Kalkara u kompla jgħolli l-valur u l-potenzjal tar-raħal. Filwaqt li minn qalbi nrodd ħajr lil kull min kien hemm b’xi mod jew ieħor biex din il-ħolma għall-Kalkariżi saret realtà, qed inħares ’il quddiem biex il-Kalkariżi u l-pubbliku inġenerali jgawdu din iż-żona mhux biss illum, imma fiż-żmien li ġej.” Min-naħa tiegħu, Gino Cauchi sostna li l-GHRC hi kburija bl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett għax illum il-Kalkara għandha xatt mill-isbaħ li diġà beda jiġbed l-attenzjoni ta’ bosta, residenti u min iżuru. “Il-GHRC tinsab impenjata biex tkompli twettaq aktar proġetti ta’ riġenerazzjoni fil-Port il-Kbir”, tenna l-Kap Eżekuttiv tal-GHRC.