Friday, December 20, 2024

Inawgurat ir-restawr fuq żewġ kappelli antiki f’Ħal Għargħur

Proġetti mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali b’fondi tal-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Tlesta x-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq żewġ kappelli ddedikati lil Marija Assunta, magħrufa bħala ‘taż-Żellieqa’ u ‘ta’ Bernarda’, żewġ kappelli tas-seklu 17 li jinsabu f’Ħal Għargħur. Dan sar mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-proġetti ġew inawgurati mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u l-kappillan Dun Christopher Galea. Iż-żewġ kappellli sarilhom xogħol ta’ restawr estensiv minn barra u minn ġewwa minħabba d-deterjorazzjoni matul is-snin. 

L-investiment fuq il-Kappella taż-Żellieqa, li tinsab fil-periferija ta’ Ħal Għargħur u tħares fuq Wied il-Faħam, kien ta’ kważi €121,000. Il-proġett kien jinkludi wkoll l-irranġar taz-zuntier. Fil-każ tal-Kappella ta’ Bernarda, li tinsab f’wieħed mill-isqaqien antiki tar-raħal, saru mill-ġdid sistema ta’ dawl u awdjo biex il-kappella tkun tista’ taqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-komunità. Ix-xogħol ammonta għal ftit aktar minn €50,000. 

L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li hu ta’ sodisfazzjon li fil-parroċċi f’Malta qed jikber l-impenn biex il-poplu jgħożż il-patrimonju kulturali Kattoliku, li jfakkar fl-istorja reliġjuża antika u sabiħa tal-poplu Malti. “Jalla dan li qed nagħmlu llum iservi bħala stedina biex inkomplu napprezzaw il-wirt sabiħ li għandna, biex dawk li jiġu warajna jistgħu jagħrfu aħjar il-valuri umani li tassew jgħinu bil-bini tas-soċjetà Maltija.” 

L-Isqof Awżiljarju rringrazzja lil kull min kien involut f’dawn il-proġetti. Irringrazzja wkoll lill-kappillan Dun Christopher Galea u lill-parruċċani ta’ Ħal Għargħur tas-sehem tagħhom. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif fil-lokalità ta’ Ħal Għargħur ġew irrestawrati żewġ kappelli b’investiment ta’ aktar minn €170,000 kofinanzjati b’fondi Ewropej. 

Dr Zrinzo Azzopardi qal li “grazzi għal dan il-proġett u proġetti oħra simili qed inkomplu nħarsu l-wirt storiku ta’ pajjiżna u nipprovdu lit-turisti esperjenza aktar komprensiva, fejn kulħadd għandu l-opportunità jżur u japprezza dawn l-opri arkitettoniċi li jżewqu l-pajsaġġ Malti”. 

Michael Pace Ross qal li sabiex il-pubbliku Malti u t-turisti li se jżuru l-kappella taż-Żellieqa jkollhom esperjenza ħolistika, il-parroċċa ħadet l-opportunità tirrestawra minn flusha l-inkwatru titulari li juri t-Tlugħ tal-Verġni Marija fis-Sema. Qal ukoll li aktar ’il quddiem se jiġu rrestawrati wkoll żewġ pitturi li jinsabu fil-kappella ta’ Bernarda. 

Pace Ross faħħar il-koperazzjoni li teżisti bejn il-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u s-Segretarjat għall-Fondi Ewropej li permezz tagħhom qed jitħares dejjem aktar il-patrimonju Malti. Il-kappella taż-Żellieqa u ta’ Bernarda qed jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020.

Ekonomija

Sport