Sunday, December 22, 2024

Inawgurat spazju ġdid fil-komunità għall-familji Mostin

Aqra wkoll

Waqt l-inawgurazzjoni tax-xogħlijiet estensivi ta’ tisbiħ li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f’Bandli Santa Margherita fil-Mosta, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia saħaq, “Iċ-ċerimonja tal-lum ma tieqafx mal-inawgurazzjoni tax-xogħlijiet ta’ tisbiħ li saru f’dan il-bandli. Illum, niċċelebraw il-ħolqien ta’ spazju miftuħ għall-komunità li ser isaħħaħ il-kwalità ta’ ħajja aħjar u s-sens ta’ komunità.”

Huwa żied jgħid li l-politika tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam spazji miftuħa għall-komunitajiet hija mibnija fuq xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni fi spazji li għal snin sfaw mitluqa u fuq il-ħolqien ta’ spazji ġodda fil-qalba tal-ibliet u l-irħula biex jitgawdew mill-familji Maltin. “Dawn huma l-proġetti li ser inkunu qegħdin naħdmu fuqhom għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri,” kkonkluda s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia. 

Is-Sindku tal-Mosta Joseph Gatt irringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal din il-ħidma, u tenna li r-residenti ta’ Santa Margherita ser ikollhom spazju miftuħ modern u komdu fejn jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.

Fost ix-xogħlijiet li saru fuq dan il-bandli, jinkludu wiċċ ġdid b’tal-qawwi, kisi u tibjid taż-żona, kif ukoll tħawwil ta’ siġar ġodda. Barra minn hekk, ġew rinnovati l-bankini tal-madwar, restawr tal-bankijiet u tranġaw il-bandli u tagħmir ieħor għall-familji u t-tfal.

Ekonomija

Sport