Saturday, December 21, 2024

Inawgurata magna ġdida tal-MRI f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, inawgura l-magna ġdida tal-MRI fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, b’investiment ta’ €3 miljun.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif permezz ta’ dan l-investiment, saret l-installazzjoni tal-magna l-ġdida tal-MRI 3.0 Tesla fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-aktar magna tal-MRI moderna li teżisti f’pajjiżna. Huwa qal kif minn Marzu sal-lum, permezz tal-portable MRI machine, saru madwar 2,700 MRI, b’madwar 70% kienu fuq pazjenti Għawdxin.

Il-Ministru Abela spjega kif permezz ta’ ħidma bla waqfien f’dawn l-aħħar 6 xhur, saret l-estensjoni meħtieġa biex inbena l-post għal din il-magna. Saħaq kif din il-magna ser ittejjeb is-servizz tar-radjoloġija offrut f’Għawdex hekk kif din il-magna hi waħda tal-aħħar teknoloġija li tippermetti djanjosi dettaljata f’diversi partijiet tal-ġisem kif ukoll tippermetti MRIs speċjalizzati, fosthom MRIs tal-moħħ, qalb, prostata, xewka tad-dahar, tal-fwied, u l-frixa. Din il-magna se tgħin ukoll biex jinqabdu tumuri fi stadju avvanzat.

Il-Ministru Abela rringrazzja lit-tim multidixxiplinarju li ser ikun qed imexxi dan is-servizz u qal kif issa l-Għawdxin ser ikunu jistgħu jinqdew f’Għawdex stess mingħajr skariġġ li jinżlu Malta biex jagħmlu dan it-test mediku.

“Investiment ieħor li jkompli juri l-ħidma tal-Gvern favur is-settur tas-saħħa u l-pazjenti Għawdxin. Kommessi li nkomplu naħdmu favur is-settur tas-saħħa f’Għawdex u f’Malta biex inkomplu noffru l-aqwa kura tas-saħħa,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Ekonomija

Sport