Saturday, October 26, 2024

Inawgurata Multi-Sensory Room ġdida f’Għawdex bi skema ta’ finanzjament għas-settur volontarju

Aqra wkoll

Għal matul din is-sena, il-Gvern Malti alloka s-somma ta’ miljun ewro f’għajnuna lill-għaqdiet volontarji Maltin u Għawdxin biex iwettqu proġetti differenti fil-komunità. Fl-istess waqt, fuq perjodu ta’ sentejn, il-Gvern se jkun investa ’l fuq minn €170,000 f’għajnuna għal proġetti amministrati minn għaqdiet volontarji Għawdxin.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt l-inawgurazzjoni ta’ Multi-Sensory Room ġdida mill-Fondazzjoni Inspire fil-faċilità tal-Inspire f’Għajnsielem, Għawdex. Dan sar b’investiment ta’ €33,000, li €20,000 minnhom ġew iffinanzjati mill-Gvern permezz tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.

Il-ministru spjegat kif matul is-sena li għaddiet, il-Gvern investa €900,000 fis-settur tal-volontarjat permezz tal-iskemi Volunteer Organisations Projects Scheme (VOPS) u l-iSmall Initiatives Support Scheme (SIS) fejn twettqu sitt proġetti b’investiment ta’ €51,900 minn għaqdiet volontarji Għawdxin. Għall-2023, permezz tal-iskemi disponibbli se jitwettqu 87-il proġett ġdid fil-komunità, fejn 10 proġetti minnhom ser ikunu qed jsiru minn għaqdiet volontarji Għawdxin b’investiment ta’ madwar €119,000.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire Antonello Gauci qal; “Grazzi għall-finanzjament ipprovdut mill-VOPS 2022, din il-kamra sensorja se toffri opportunità lit-tfal b’diversi diżabilitajiet biex jidħlu f’attivitajiet li jippromwovu t-tkabbir tagħhom f’ambjent li huwa kemm pjaċevoli kif ukoll stimulanti mingħajr ebda pressjoni. L-għan tagħna hu li nappoġġjaw lill-komunità Għawdxija, mhux biss lill-individwi li jipparteċipaw fil-programmi ta’ Inspire.”

Din il-Multi-Sensory Room għandha ttejjeb il-livell tas-servizz u anki l-kwalità tal-ħajja tal-klijenti b’diżabilità. L-għan tas-servizz tal-Multi-Sensory Room huwa li jipprovdi opportunità għall-individwi biex jiżviluppaw l-oqsma tat-tagħlim tagħhom permezz tal-istimulazzjoni tas-sensi. Speċifikament, dan is-servizz huwa ta’ benefiċċju għal dawk li jesperjenzaw diffikultajiet sensorji.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, fisser kif dan il-proġett huwa riżultat pożittiv ieħor ta’ kif tissarraf l-għajnuna mogħtija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat permezz tal-iskemi amministrati mill-kunsill, skemi li dejjem jippruvaw jindirizzaw il-bżonnijiet li dejjem jinbidlu tas-settur tal-volontarjat.

Sport