Thursday, March 28, 2024

INĠEDDU LIL MALTA FL-ISPORT

Aqra wkoll

Partit Laburista fil-Gvern jirrikonoxxi li biex jibqa’ dejjem joffri politika għan-nies, irid jaġġorna l-politika tiegħu f’kull qasam. Irridu nimmodernizzaw il-politika tagħna biex tagħmel sens għal llum u għall-futur tagħna. Kellna konferenza fejn smajna ħafna u sawwarna għarfien li ser jgħinu noħolqu politika aħjar fiż-żmien li ġej. Dalwaqt ser inħabbru l-budget li wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, ser inkunu qegħdin nipproġettaw Malta aħjar u noffru kwalità ta’ ħajja aħjar. Kemm ilna fil-Gvern ħdimna f’ħafna setturi li kollettivament tirrifletti politika holistika imma din il-ġimgħa bdiet tinkiteb l-istorja fil-qasam sportiv. 

Taħt Gvernijiet Nazzjonalisti l-isports f’pajjiżna ntelaq u awtomatikament mar il-baħar. Dan għax pajjiżi oħra anke żgħar bħalna fehmu l-importanza tal-isports u nvestew biex tejbu l-livell tagħhom. Meta ħadna l-gvern ridna nimbarkaw fuq proġetti infrastrutturali sportivi. Ridna nibnu kumplessi fejn l-atleti tagħna jkunu jistgħu jitħarrġu sew, biex verament jikkompetu. 

Erba’ snin ilu ħdimna fuq l-proġett tar-rinovar tal-korsa tal-atletika fil-Marsa Sports Complex b’investiment ta’ madwar €600,000 minn SportMalta, li se tkun tista’ tilqa’ fiha kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali. Fost xogħolijiet oħra, t-trakka tal-Marsa għandha wiċċ sintetiku li jilħaq livell olimpiku.

Wara mbarkajna b’investiment globali ta’ €16-il miljun, fejn qed nibnu pixxina ta’ daqs Olimpiku u numru ta’ faċilitajiet ġodda ġewwa Ghawdex. Fl-istess binja se jkun hemm ukoll faċilitajiet għall-ġinnastika, basketball, badminton, squash, wall climbing, acrobatics, weightlifting, aerobics, yoga, martial arts u  dixxiplini oħra li jintlagħbu  fuq ġewwa.

Bħala Gvern komplejna nsaħħu l-infrastruttura billi inawgurajna t-tieni fażi tal-proġett tal-Padiljun tal-Basketball f’Ta Qali, b’investiment ta’ madwar €1,000,000. Din il-faċilità ta’ livell internazzjonali tkompli tgħin l-qasam sportiv billi toffri l-aħjar tagħmir sportiv f’pajjiżna li minnu jwadu l-atleti tagħna. B’dan it-tip ta’ investiment Malta qed tpoġġi lilha nnifisha f’pożizzjoni li terġa’ tospita b’suċċess logħob u tournaments ta’ livell internazzjonali bħal dawk tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li se jsiru f’Malta fl-2023.

F’April li għadda stess il-Gvern ħabbar investiment qawwi ta’ ħames miljun ewro, dirett lejn l-atleti nfushom li se jirrappreżentawna. Dan sabiex nieħdu sehem bl-aktar mod kompetittiv u nħabbtuha mal-aqwa atleti. Li tipparteċipa sabiħ imma l-miri għandhom ikunu iktar minn hekk. Irridu nagħmlu isem għal pajjiżna u jekk jiġi ċ-ċans nirbħu u nieħdu l-midalji.

Nhar it-Tnejn li għadda waqt laqgħa tal-Kabinett li saret fil-padiljun Ta’ Qali, ingħataw dettalji dwar l-investiment sportiv li se jsir f’pajjiżna fi żmien li ġej. Ewlieni f’nofshom huwa l-proġett trakka tal-motorsport b’investiment totali ta’ €20 miljun. Proġett li ilu jiġi mwiegħed snin imma issa l-Prim Ministru Robert Abela ser iżomm kelmtu anke mad-dilettanti tal-karozzi. Anke hawnhekk qegħdin inħarsu fuq infrastruttura tal-għola livell fejn saħansitra diġa hemm ftehim ta’ avvenimenti internazzjonali ġewwa pajjiżna.

Dejjem emmint li s-suċċess fl-isport huwa katina b’ħafna ħoloq, li lkoll kemm huma jridu jkun b’saħħithom. Ma jistax ikollok team tajjeb jekk ma jkollokx atleti tajbin. Ma jistax ikollok atleti tajbin jekk ma jkollokx coaches u diriġenti tajbin. Fuq kollox ma jista’ jkollok xejn tajjeb jekk m’għandekx infrastruttura, kemm mil-lat ta’ faċilitajiet kif ukoll mil-lat tal-organizzazzjoni li jkunu tal-aqwa kwalità. Jekk irridu nibdew nirbħu rridu nkunu professjonali. Mhux se nsiru professjonali billi noqogħdu ngħidu li aħna professjonali. Insiru professjonali meta l-attitudni tagħna tkun waħda li tħares lejn l-isport mhux sempliċement bħala passatemp iżda bħala professjoni. Int li taħdem, jekk ma ġġibx riżultati fuq ix-xogħol titlef l-impjieg tiegħek, l-istess irridu nirraġunaw fl-isport. Jekk m’aħniex lesti nagħmlu dik il-qabża fil-mentalità tagħna, ilkoll kemm aħna, u nibdew nirrabjaw meta nitilfu, nieħdu t-taħriġ bl-akbar serjetà u ninvestu f’affarijiet moderni, bħalma hi l-mediċina u x-xjenza sportiva, m’aħniex se nirbħu.

Jien nemmen li dan il-pajjiż għandu l-għodda biex jibda jirbaħ. B’naqra rieda u iktar serjeta’ nemmen bis-sħiħ li iva nistgħu nibdew nirbħu. U m’inix nitkellem biss fuq midalji fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar, iżda qed inħares anki lejn l-Olimpjadi. Jien min-natura tiegħi telfa ma neħodhiex tajjeb u jekk San Marino jistgħu jirbħu l-midalji Olimpiċi mela anki aħna nistgħu. Però rridu nifhmu li l-bażi ta’ kollox hija x-xogħol.

Il-Gvern jemmen bis-sħiħ f’din l-għajta u għalhekk qed jinvesti fil-faċilitajiet u fl-atleti. Għandna strateġija għall-għaxar snin li gejjin li hija lesta. Li għandha tara kif il-Gvern, f’partnership mal-Kumitat Olimpiku Malti, mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali l-oħra u mal-istakeholders kollha, għandu jifrex is-sodda biex dan il-pajjiż, bħalma kien suċċess fl-oqsma tal-ekonomija, tas-saħħa, tal-infrastruttura u setturi oħra, ikun suċċess anki fl-isport. Iva. Aħna nistgħu nirbħu.

Ekonomija

Sport