Saturday, December 21, 2024

Inħarsu s-saħħa mentali fil-komunità

Aqra wkoll

Maypole, f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, ħadu l-inizjattiva biex fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali jqassmu eluf ta’ basktijiet madwar il-ħwienet tal-Maypole. Dawn il-basktijiet għandhom il-kitba ‘Għaddej minn żmien diffiċli? Ċempel 1579’. L-għan ewlieni hu biex jinkoraġġixxu lil persuni jfittxu l-għajnuna jekk għaddejjin minn żmien ta’ sfida.

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal, “Kemm ilu fis-seħħ il-helpline 1579, saru madwar 16,000 telefonata u aħna favur inizjattivi bħal dawn mal-privat għax huma importanti biex inkomplu nqajmu awareness kull mod possibbli.”

Dr Abela spjega li l-gvern għaddej b’ħidma bi prijorità f’dak li jirrigwarda s-saħħa mentali. Semma l-ħtieġa li titqajjem aktar kuxjenza dwar is-saħħa mentali u dan irid isir billi titnaqqas l-istigma fuq is-suġġett għaliex din hija parti mis-saħħa fiżika ta’ kull wieħed u waħda minna. Semma wkoll li l-gvern għaddej b’ħidma biex imexxi s-servizzi marbuta mas-saħħa mentali fil-komunità, fejn dan ikompli jgħin biex tonqos l-istigma marbuta mal-bżonn ta’ kura mentali.

“Irridu li kull min għandu bżonn għajnuna għas-saħħa mentali, jersaq ’il quddiem u jagħmel użu mill-helpline 1579 fejn hemm professjonisti 24/7 lesti li jgħinuk. Flimkien nistgħu nagħmlu differenza u negħlbu l-istigma dwar is-saħħa mentali,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Maypole, Sebastian Debono, spjega li huwa stmat li dawn il-basktijiet, li  jistgħu jintużaw diversi drabi, se jilħqu madwar 60,000 persuna fil-komunitajiet differenti li Maypole huwa preżenti fihom. Huwa qal li din hija parti mill-ħidma ta’ Maypole, li ma tiqafx biss mal-bejgħ ta’ prodotti iżda li tiffoka fuq il-komunità sħiħa. Il-kumpanija tqis in-nies li jidħlu fil-ħwienet mhux biss bħala klijenti iżda bħala individwi li jiffurmaw parti minn familja ferm ikbar. Is-Sur Debono kompla jgħid li kulħadd jista’ jgħaddi minn żmien diffiċli u xtaq juża din l-inizjattiva biex ifakkar li l-għajnuna teżisti u inkoraġġixxa aktar nies jagħmlu użu minnha f’kas ta’ bżonn.

Dawn il-basktijiet se jkunu disponibbli mid-29 ħanut tal-Maypole minn nhar it-Tnejn, 7 ta’ Ottubru. Dan l-istess messaġġ se jkun qed jidher ukoll fuq screens differenti fil-ħwienet biex titqajjem aktar kuxjenza dwar is-saħħa mentali.

Ekonomija

Sport