“Qed niġu hawn quddiemkom b’ wiċċna minn quddiem nistaqsukom jekk tridux aktar… u jekk verament tridu aktar inħeġġiġkom sabiex tkomplu timxu din il-mixja spalla ma’ spalla magħna. Spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru tagħna Robert Abela illi wera bil-fatti illi dejjem ħabb il-kawża tal-klassi tal-ħaddiema.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal fid-diskors tiegħu d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba quddiem folla kbira ta’ nies waqt l-attività politika tal-ewwel ta’ Mejju fil-Belt Valletta, fejn irrimarka li l-jum tal-ħaddiem kien , għadu u jibqa’ l-ikbar festa għal Laburisti. Qal kif dan; “Iċċelebrawh dan il-jum missirijietna fid-dell tan-Nazzjonalisti u tal-Knisja illi dak iż-żmien saħansitra kienu vvintaw festa reliġjuża fl-istess jum”.
Semma kif waqt Jum il-Ħaddiem kien bix-xieraq li wieħed jiċċelebra l-kisbiet li għamel il-Partit Laburista fl-avvanz tad-drittijiet tal-klassi tal-ħaddiema filwaqt illi fl-istess ħin, irrimarka li jinsabu mimlijin b’ħafna ħeġġa u determinazzjoni sabiex flimkien titwettaq iktar ħidma
B’referenza għall-Partit Nazzjonalista, Agius Saliba qal; “Xi ngħidu għat-tnaqqis fit-taxxa. Tiftakruhom lin-Nazzjonalisti f’Budget wieħed wara l-ieħor u f’manifest elettorali wieħed wara l-ieħor, kemm -il darba wegħduna li se jestendu t-tax brackets u li se jnaqqsu t-taxxa tad-dħul”.