L-għoti tad-demm jibqa’ kruċjali biex jiġu salvati l-ħajjiet. Huwa att ta’ ġenerożità, solidarjetà u altruwiżmu li jista’ jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ persuni fil-bżonn.
F’dan il-kuntest, il-Ħadd filgħodu, ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs) ingħaqdu flimkien f’inizjattiva ta’ għoti tad-demm u b’hekk urew l-impenn tagħhom li jagħtu kontribut pożittiv lis-soċjetà li jgħixu u jaħdmu fiha.

L-inizjattiva, li saret fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fi Gwardamanġa, kienet waħda ta’ suċċess kbir tant li numru sabiħ ta’ persuni minn nazzjonalitajiet u kulturi differenti attendew biex jagħtu d-demm.
Il-General Workers’ Union, flimkien mal-Pulizija tal-Komunità u s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ingħaqdu mal-komunità tat-TCNs f’Malta biex din l-inizjattiva setgħet issir realtà.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri saħaq li din l-inizjattiva hi tweġiba konkreta għal dawk ir-reazzjonijiet negattivi li kultant wieħed jiltaqa’ magħhom fuq il-midja soċjali dwar il-komunità ta’ ħaddiema barranin.
Camilleri enfasizza fuq l-importanza li dawn l-inizjattivi pożittivi jkomplu u saħansitra jinfirxu aktar, fost l-oħrajn permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali.
Min-naħa tiegħu, Manav Sanger, ir-rappreżentant tat-TCNs fi ħdan il-GWU, li kien fost dawk li ħarġu bl-idea ta’ din l-attività, qal li din mhix se tkun inizjattiva ta’ darba biss. Fil-fatt, l-għan huwa li din issir attività regolari kull xahar.

Waqt li rringrazzja lil dawk kollha preżenti, Sanger saħaq li b’inizjattivi bħal dawn, il-ħaddiema minn pajjiżi terzi jistgħu juru li huma parti attiva u paċifika mis-soċjetà Maltija u fl-istess ħin jgħinu lil dawk fil-bżonn.
Fil-kummenti tagħha, id-Direttur Mediku fi ħdan is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, Dr Monique Debattista, qalet li hija xi ħaġa sabiħa ferm li tara tant persuni jingħaqdu biex jagħtu d-demm. Hija esprimiet ukoll is-sodisfazzjon tagħha meta tara komunitajiet, entitajiet u organizzazzjonijiet differenti jingħaqdu flimkien għal għan wieħed komuni.
Fi tmiem l-attività, ingħataw ukoll ċertifikati ta’ apprezzament lid-donaturi li ħadu sehem f’din l-inizjattiva kif ukoll lill-organizzaturi, bħala rikonoxximent tal-kontribut tagħhom.
Preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Abela, l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, is-Supretendent Joseph Busuttil, Fr Colin Apap u Dr Jeffrey Pullicino Orlando.
