Friday, May 15, 2026

Investiment f’teknoloġija intelliġenti fit-toroq Maltin bħala parti mill-pjan Malta in Motion

Aqra wkoll

Waqt żjara fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku u d-Data ta’ Transport Malta, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar investiment f’dan iċ-ċentru li se jwassal biex fix-xhur li ġejjin jibda jservi bħala l-bażi teknoloġika għall-monitoraġġ u l-ġestjoni tat-trasport madwar Malta u Għawdex.

Permezz ta’ netwerk ta’ radars, cameras u sistemi intelliġenti mifruxa madwar il-pajjiż, dan iċ-ċentru jiġbor u janalizza data relatata mal-fluss tal-vetturi u l-moviment fit-toroq tagħna. Fix-xhur li ġejjin, din l-informazzjoni se tibda tintuża sabiex tiggwida deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tat-traffiku kif ukoll interventi infrastrutturali f’żoni differenti madwar il-gżejjer Maltin.

Bħala parti mix-xogħol li għaddej bħalissa qabel dan iċ-ċentru jibda jopera b’mod komplet, qed isiru aġġornamenti ta’ diversi sistemi biex dawn kollha jkunu integrati flimkien. Dan se jippermetti, fost oħrajn, biex fix-xhur li ġejjin permezz tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali, sistemi differenti se jibdew jaħdmu flimkien sabiex jitjieb il-fluss tat-traffiku skont il-ħtiġijiet f’ħin reali.

L-aġġornamenti teknoloġiċi se jkunu wkoll marbuta ma’ proġetti oħrajn bħal dak tas-C-SAM, fejn għall-ewwel darba se jiġu introdotti teknoloġiji ġodda ddedikati għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq għal min juża r-rota u għal min jimxi. Fl-istess waqt, Transport Malta qed tistenna wkoll il-wasla ta’ servers ta’ kapaċità għolja għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data, b’konformità mal-obbligi tal-European ITS Directive u l-implimentazzjoni tan-National Access Point (NAP).

Il-Ministru Chris Bonett qal li “l-implimentazzjoni tat-teknoloġija fil-ġestjoni tat-trasport tifforma parti mill-pjan Malta in Motion, fejn ix-xogħol diġà beda sabiex nibdew naraw integrazzjoni akbar bejn mezzi differenti ta’ trasport u sistemi ta’ mobilità aktar moderna, effiċjenti u sostenibbli għall-pajjiż tagħna.” 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia qal li Transport Malta qed tkompli b’investiment kemm fit-teknoloġija kif ukoll fin-nies, biex il-flow tat-traffiku jkun immaniġġjat b’mod aktar intelliġenti.

Kenneth Spiteri, Senior Manager ġewwa n-National Traffic Control and Data Centre spjega kif dan iċ-ċentru se jkun qed jiġbor id-data tal-pajjiż fil-qasam tat-trasport ġewwa post wieħed. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport