Tuesday, May 19, 2026

Investiment ieħor ta’ aktar minn €7 miljun għal servizz dejjem aqwa għall-familji Maltin u Għawdxin

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kompla jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu biex jagħti servizz dejjem aqwa lill-familji Maltin u Għawdxin, permezz ta’ investiment ieħor ta’ aktar minn €7 miljun f’vetturi mgħammra b’teknoloġiji avvanzati li sal-lum Malta qatt ma kellha bħalhom. Investiment immirat sabiex Malta tibqa’ dejjem preparata għal kull emerġenza u sfida.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri spjega kif dan l-investiment huwa parti minn pjan fit-tul li matul dawn l-aħħar snin wassal għal trasformazzjoni fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-Ministru sostna li b’dan l-investiment, fl-ewwel erba’ xhur tas-sena ġew inawgurati aktar minn €10 miljun f’apparat ġdid għad-Dipartiment, investiment li qed jissarraf direttament f’aktar sigurtà, preparazzjoni u serħan il-moħħ għall-familji Maltin u Għawdxin.

“Dan huwa investiment li ma baqax fuq il-karta. Huwa investiment li wasal, li qed jintuża mill-ħaddiema tagħna u li qed jagħmel differenza. Illum għandna track rekord ċar li dak li nħabbru, dak li nippjanaw, inwettquh u nwassluh,” sostna l-Ministru Camilleri.

L-investiment jinkludi żewġ vetturi ġodda għall-Hazmat Unit, b’valur ta’ kważi €3 miljun, mgħammra b’teknoloġija avvanzata għall-analiżi ta’ kimiċi u materjal perikoluż, sistemi moderni ta’ komunikazzjoni, kif ukoll tagħmir protettiv speċjalizzat għall-ħaddiema.

Il-Ministru enfasizza kif kull investiment qed ikun iffukat fuq l-użu tat-teknoloġija sabiex is-servizzi jkunu aktar effiċjenti u effettiv, filwaqt li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-ħaddiema fuq il-post u l-kwartieri ġenerali tad-Dipartiment.

Tħabbar ukoll investiment ieħor ta’ €4.5 miljun f’żewġ vetturi industrijali moderni tat-tifi tan-nar, maħsuba għal emerġenzi ta’ skala kbira u sitwazzjonijiet industrijali kumplessi. Dawn il-vetturi huma mgħammra b’sistemi avvanzati tal-ilma u firefighting foam, pompi ta’ qawwa għolja u faċilitajiet superjuri li jkomplu jsaħħu l-kapaċità operattiva tad-Dipartiment.

Il-Ministru Camilleri qal li dan l-investiment juri bidla ċara fil-mod kif il-pajjiż qed jinvesti fil-ħaddiema u fis-servizzi essenzjali.

Il-Gvern se jibqa’ impenjat li jkompli jinvesti kemm fir-riżorsi kif ukoll fil-ħaddiema tad-Dipartiment, inkluż permezz ta’ aktar titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, hekk kif għadu kif ġie ffirmat l-aqwa ftehim f’dawk li huma kundizzjonijiet.

Filwaqt li investiment u preparazzjoni jibqgħu kruċjali, il-Ministru saħaq li l-prevenzjoni tibqa’ l-aqwa forma ta’ protezzjoni. Għaldaqstant se jkomplu jissaħħu inizjattivi ta’ għarfien u edukazzjoni sabiex jiġu evitati inċidenti qabel iseħħu.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro qal li dawn l-investimenti huma kruċjali sabiex id-Dipartiment ikompli jsaħħaħ il-preparazzjoni tiegħu għal inċidenti industrijali u emerġenzi li jinvolvu materjal perikoluż. Huwa spjega kif il-kimiċi u l-materjali perikolużi huma preżenti f’diversi setturi tal-pajjiż u għalhekk ir-rispons irid ikun wieħed rapidu, effiċjenti u mgħammar bl-aqwa teknoloġija. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tas-sistemi ta’ dekontaminazzjoni, li mhux biss jipproteġu lill-pumpiera u lill-ħaddiema tal-emerġenza waqt l-operazzjonijiet, iżda wkoll jippermettu li f’każ ta’ emerġenza fuq skala kbira, numru sostanzjali ta’ persuni jkunu jistgħu jiġu trattati b’mod sigur u effiċjenti.

Id-Direttur Ġenerali sostna li d-distribuzzjoni strateġika ta’ tagħmir speċjalizzat madwar Malta u Għawdex hija essenzjali sabiex it-timijiet ikunu jistgħu jirreaġixxu malajr u jnaqqsu kemm jista’ jkun il-ħsara lill-persuni, lill-proprjetà u lill-ambjent.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport