Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia żaret il-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ, fejn ġie inawgurat il-proġett ta’ tisħiħ tas-sala prinċipali tal-każin, li twettaq permezz tal-iskema Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).
Permezz ta’ investiment ta’ kważi €15,000, is-sala prinċipali tal-każin ġiet modernizzata b’installazzjoni ta’ soqfa ġodda, sistema ġdida ta’ dawl, sistema awdjoviżiva moderna, xogħlijiet ta’ tibjid u siġġijiet ġodda. Dawn l-interventi tejbu kemm il-funzjonalità kif ukoll il-kumdità ta’ spazju li jintuża kuljum minn membri tal-komunità ta’ kull età.
Din is-sala hija ċ-ċentru tal-attivitajiet tal-każin u tilqa’ fiha firxa wiesgħa ta’ inizjattivi, fosthom programmi għat-tfal, attivitajiet mużikali, kunċerti, taħditiet, provi tal-banda u attivitajiet kulturali oħra. Barra minn hekk, isservi bħala spazju ta’ preparazzjoni għal avvenimenti kulturali akbar organizzati flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, filwaqt li hija wkoll essenzjali għall-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tal-għaqda.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Julia Farrugia sostniet kif dawn il-proġetti juru kif l-investiment fil-volontarjat huwa investiment dirett fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin. “Il-każini tal-banda huma ħafna aktar minn binjiet. Huma ċentri ħajjin li jżommu ħajja l-identità, il-kultura u l-għaqda fil-lokalitajiet tagħna. Meta ninvestu f’dawn l-għaqdiet volontarji, inkunu qed ninvestu fin-nies, fil-parteċipazzjoni attiva u fil-wirt kulturali tagħna. Il-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu lejn is-settur volontarju sabiex dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom il-mezzi meħtieġa biex ikomplu jservu lill-komunitajiet tagħna b’mod sostenibbli.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal “Huwa dejjem ta’ sodisfazzjon li naraw proġetti bil-fondi differenti tal-Kunsill jieħdu l-ħajja għall-benefiċċju tal-komunitajiet differenti. Nawguraw lill-għaqda kull suċċess fix-xogħol tagħha, kemm illum li qed titnieda din is-sala, u ħidma sfieqa matul is-sena kollha.”
Il-President tal-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan, Frankie Borg, spjega kif dan il-proġett sar bil-għan li s-sala prinċipali tiġi mmodernizzata u ssir aktar funzjonali għall-attivitajiet tal-każin u tal-komunità. “Inħasset il-ħtieġa li dan l-ispazju jiġi aġġornat biex joffri ambjent aktar komdu u adattat għall-ħtiġijiet tal-lum. Nirringrazzjaw lill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat għall-appoġġ kontinwu permezz ta’ fondi li jgħinu lill-għaqdiet volontarji jsaħħu l-faċilitajiet tagħhom,” temm jgħid Frankie Borg.
Il-kaxxier u l-mexxej tal-proġett tal-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan, Edward Mintoff, spjega kif il-proġett serva biex is-sala prinċipali tiġi mmodernizzata u adattata aħjar għall-ħtiġijiet tal-komunità. “Permezz ta’ dan il-proġett ġew aġġornati s-sistema elettrika, is-soqfa, is-sistema awdjoviżiva, id-dawl u l-finituri tas-sala, filwaqt li ġew installati pannelli biex l-ispazju jkun aktar versatili u adattati għall-attivitajiet soċjali u sensorjali li norganizzaw matul is-sena. Dan seta’ jsir grazzi għall-fondi pprovduti permezz tal-iskema VOPS amministrata mill-MCVS”, temm jgħid Edward Mintoff.
