L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li ddeċieda jkellem lil Edgar Brincat, magħruf bħala “il-Ġojja”, meta Edgar kien mar ikelmu fuq ċitazzjoni għax kien jaf bir-relazzjoni mill-qrib tiegħu ma’ Melvin Theuma, filwaqt li sostna li kien dmir tiegħu bħala investigatur li jfittex informazzjoni mingħand persuni li setgħu jgħinu fl-investigazzjoni.
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar illum iddefenda l-kuntatt li kellu ma’ Edgar Brincat, magħruf bħala “il-Ġojja”.
Fix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, Cutajar spjega li Brincat kien mar għandu d-dar biex jitolbu l-għajnuna dwar kontravvenzjoni tat-traffiku. Dak il-mument, qal, “beda jaħdem il-moħħ tal-pulizija”, hekk kif ra opportunità biex jistaqsih dwar Theuma, li dak iż-żmien kien beda jissemma fl-investigazzjoni.
Meta ġie mistoqsi għaliex għażel li jkellem lil Brincat, Cutajar wieġeb: “Jekk tirċievi informazzjoni, x’tagħmel? Tmur tkellem lill-kappillan? Jew tkellem lill-persuna involuta?” Huwa qal li kien jaf li Brincat u Theuma kienu qrib xulxin minħabba s-snin twal li għamel jaħdem fid-distrett ta’ Ħal Qormi. B’ton ta’ ċajta, żied: “Kont naf anke fejn kien joqgħod ix-xitan.” “Nixtieq inwieġeb kull mistoqsija”
Fil-bidu tax-xhieda tiegħu, Cutajar ikkonferma li kien Kummissarju tal-Pulizija meta seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru 2017.
Huwa qal ukoll li llum qed ikun assistit mill-avukat Ezekiel Psaila, li tah parir biex ma jwieġebx mistoqsijiet relatati mal-inkjesta maġisterjali li għadha għaddejja dwar allegati tnixxijiet mill-investigazzjoni. Madankollu, Cutajar qal lill-Qorti li kien jippreferi jwieġeb kull mistoqsija, filwaqt li l-Imħallef Edwina Grima fakkritu fid-dritt tiegħu li ma jwieġebx mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawh.
“Keith Arnaud kien l-investigatur ewlieni”
L-eks Kummissarju xehed li Keith Arnaud kien l-investigatur ewlieni tal-każ sa mill-bidu. Huwa spjega li sar jaf bl-isplużjoni f’Bidnija permezz tar-radju tal-pulizija u mar fuq il-post wara li ġie infurmat li l-maġistrat tal-għassa u l-esperti forensiċi kienu diġà ġew avżati.
Cutajar qal ukoll li ta istruzzjonijiet biex il-pulizija ma tieħu l-ebda pass mingħajr il-kunsens tal-maġistrat inkwirenti, filwaqt li aktar tard ingħaqdu mal-investigazzjoni l-FBI u l-Europol.
Id-deċiżjoni li ma jiġix arrestat Melvin Theuma
Cutajar iddeskriva bħala waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti tal-investigazzjoni dik li Melvin Theuma ma jiġix arrestat immedjatament, minkejja li bdew joħorġu indikazzjonijiet dwar recordings li seta’ kellu. Huwa qal li kien hemm opinjonijiet differenti fost l-investigaturi, b’uħud favur arrest immedjat.
Madankollu, qal li wara diskussjonijiet ma’ Keith Arnaud intlaħaq qbil li arrest prematur seta’ jagħmel ħsara lill-investigazzjoni.
“Jekk konna narrestawh u ma nsibu xejn, konna nkunu urejna l-karti kollha.” Skont Cutajar, għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li Theuma jitqiegħed taħt sorveljanza, filwaqt li nfetħet investigazzjoni parallela mill-fergħa tal-Financial Crimes sabiex, jekk ikun meħtieġ, l-arrest isir fuq allegati reati finanzjarji.
Laqgħat f’Kastilja
L-eks Kummissarju qal ukoll li attenda għal madwar żewġ jew tliet laqgħat f’Kastilja, wara li Silvio Valletta ġie rtirat mill-investigazzjoni.
Skont Cutajar, għal dawn il-laqgħat kien jakkumpanjah Keith Arnaud. Huwa qal li għalihom kienu jattendu wkoll l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Chief of Staff Keith Schembri u rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Cutajar xehed li, sa fejn jiftakar, is-suġġett ewlieni ta’ dawk il-laqgħat kienu r-recordings u l-interċettazzjonijiet marbuta ma’ Melvin Theuma.
Aktar kmieni
Qabel bdiet ix-xhieda tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, kompliet il-kontro-eżami ta’ Edgar Brincat, magħruf bħala “il-Ġojja”.
Matul il-kontro-eżami, id-difiża ddoqq diversi recordings ta’ konversazzjonijiet bejn Brincat u Melvin Theuma, fejn ippruvat turi li Brincat kien qed jagħti direzzjoni lil Theuma dwar x’għandu jsemmi fir-recordings li kien qed jagħmel.
Brincat ċaħad li qatt ta pariri lil Theuma dwar x’għandu jgħid lill-pulizija jew lil Yorgen Fenech, filwaqt li sostna li l-uniku parir li tah kien biex isemmi lin-nies b’isimhom u jkun ċar f’dak li jgħid. F’partijiet oħra tal-kontro-eżami, Brincat qal li qatt ma ssuġġerixxa lil Theuma jibda jirrekordja l-konversazzjonijiet tiegħu, ċaħad li għenu jħejji dokumenti dwar self falz u ċaħad ukoll li wissa lil Theuma dwar xi tfittxijiet tal-pulizija.
Il-prosekuzzjoni mbagħad reġgħet eżaminatu, fejn qrat partijiet oħra mit-traskrizzjoni tar-recordings biex, kif intqal fil-Qorti, tagħti lill-ġurati l-kuntest sħiħ tal-konversazzjonijiet Is-seduta tkompliet bix-xhieda ta’ Cutajar qabel il-Qorti waqfet, bil-proċeduri mistennija jerġgħu jibdew waranofsinhar.
