Is-sitt edizzjoni tal-Istat tan-Nazzjon se ssir fl-4 ta’ Settembru

Aqra wkoll

Is-sitt edizzjoni tal-konferenza nazzjonali “L-Istat tan-Nazzjon”, bit-tema “Il-popolazzjoni u n-nazzjon Malti sa 50 sena oħra”, se ssir fl-4 ta’ Settembru fil-Kastell Verdala.

Din il-konferenza qed tiġi organizzata fuq inizjattiva tal- Professur Vincent Marmarà u s-Sur Lou Bondi, b’kollaborazzjoni u l-appoġġ tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta.

Minbarra diversi esperti fis-settur, L-istat tan-nazzjon ta’ din is-sena se tkun indirizzata wkoll mill-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela, l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, u l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.

Dettalji dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, li matulha l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, aċċennat l-importanza tat-tema ta’ din is-sena fl-isfond tal-attwalità tad-diskussjoni dwar il-popolazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-President tenniet ukoll kemm din it-tema hi vasta: “Hemm min iħares lejn il-popolazzjoni mil-lat tal-etniċità, l-ekonomija, l-infrastruttura tal-pajjiż, u s-saħħa u l-edukazzjoni fost l-oħrajn.”

Waqt li enfasizzat l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-esperti fis-settur, l-Eċċellenza Tagħha ħeġġet ukoll il-parteċipazzjoni tal-pubbliku b’mod ġenerali u dawk kollha li jixtiequ jikkontribwixxu fid-diskussjoni.

Min-naħa tiegħu Lou Bondi, Konsulent fil-Kommunikazzjoni Strateġika, innota li f’pajjiżna u madwarna qed iseħħu bidliet fundamentali u radikali li qed iwelldu realtajiet li għadna rridu nifhmu xi jfissru, u qed iwasslu biex is-sens ta’ min jien u min aħna m’għadux dak li kien ilbieraħ.

“It-tema ta’ din is-sena għandha tixprunana biex niddiskutu u nanalizzaw l-effetti demokratiċi li qed nantiċipaw għan-nazzjon Malti sa 50 sena oħra, u l-impatt fuq il-lingwa, id-drawwiet u l-etniċità tagħna, kif ukoll biex nesploraw kif twieldet u xxettlet l-identità Maltija mill-għeruq tat-taħlit tal-kulturi kif ukoll f’liema direzzjoni jistgħu jmorru n-nazzjon Malti u l-identità tagħha,” spjega Bondi.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Professur Vincent Marmarà, Espert fl-Istatistika u Professur Assoċjat fil-Fakultà tal-Ekonomija, il-Ġestjoni, u l-Kontabilità tal-Università ta’ Malta.

Il-Professur Marmarà spjega li L-Istat tan-Nazzjon qatt ma kellu l-ambizzjoni li jiddeskrivi r-realtà biss. “L-għan huwa li titqajjem diskussjoni nazzjonali serja, ibbażata fuq il-fatti u r-riċerka, sabiex flimkien ngħinu biex nibnu viżjoni fit-tul għal pajjiżna. Għax il-futur ta’ Malta ma jinbeniex billi nistennew li l-isfidi jinqalgħu imma billi jkollna l-kuraġġ niddiskutuhom, nifhmuhom u naġixxu.

Il-Professur Marmarà spega li d-deċiżjonijiet li nieħdu llum se jsawru l-Malta ta’ għada. “Dan huwa l-ispirtu tal-Istat tan-Nazzjon. Mhux biss li nifhmu fejn qegħdin, iżda li niddeċiedu flimkien fejn irridu immorru minn hawn ‘il quddiem.”

L-istat tan-nazzjon qed issir bl-appoġġ ewlieni tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, kif ukoll in-National Development and Social Fund, Project Green, V&C Group, EY, Malta Film Commission, Heritage Malta, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-iSport, Arts Council Malta, Gozo Regional Development Authority, Malta Enterprise, Malta Tourism Authority u Property Malta Foundation.

Il-konferenza hi miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jattendu, billi wieħed jirreġistra fuq l-email [email protected].

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport