“Irridu nuru li nistgħu nerġgħu niksbu stabbiltà”… Andy Burnham maħtur id-59 Prim Ministru tar-Renju Unit

Aqra wkoll

Andy Burnham inħatar uffiċjalment bħala d-59 Prim Ministru tar-Renju Unit. Huwa ħa post Keir Starmer li fl-aħħar diskors tiegħu qabel irriżenja formalment mill-kariga, sostna li se jitlaq minn Downing Street bi tbissima u li xogħlu huwa lest. 

Burnham, wara l-laqgħa li kellu mar-Re Karlu III f’Buckingham Palace  fejn aċċetta li jifforma Gvern ġdid u sussegwentement inħatar bħala Prim Ministru, mar quddiem ir-residenza uffiċjali Numru 10, f’Downing Street, biex jagħmel l-ewwel diskors tiegħu. Hemm huwa intlaqa’ b’ċapċip kbir minn dawk preżenti.

Il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit beda biex qal li l-ħatra tiegħu hija “mument ta’ riflessjoni u riżoluzzjoni ġdida.” Huwa qal li l-ġenerazzjoni tiegħu ta’ politiċi se jkollha bżonn tgħolli l-livell u tlaħħaq mal-isfidi li għandhom quddiemhom.  “Ir-Renju Unit trid turi li nistgħu nerġgħu niksbu l-istabbiltà għal darb’oħra u dik hi l-isfida tagħna,” qal Burnham. Żied jgħid li jaf b’nies li huma mxebbgħin bil-politika. “Qiegħed nismagħkom. Ma konniex tajbin biżżejjed u rridu nkunu aħjar. U hekk se nkunu.”

Qal li se jagħmlu dan il-mument punt ta’ bidla għar-Renju Unit u li se jkun hemm mudell politiku ġdid. Qal li ħafna żoni għadhom ma rkuprawx u li se jbiddel il-politika biex issir aktar ibbażata fuq il-kollaborazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi, aktar milli fuq il-kisba tal-punti politiċi.

Burnham wiegħed ukoll li jibni ekonomija ġdida filwaqt li aktar tard din is-sena se jippreżenta pjan ta’ 10 snin għar-Renju Unit li se jfassal it-triq lejn fejn jixtieq li jasal il-pajjiż. Il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit qal ukoll li se jibda jippreżenta pjanijiet biex jagħti lin-nies aktar “spazju biex jieħdu n-nifs” fuq l-għoli tal-ħajja, mil-lum ’il quddiem.

Huwa qal li aktar żgħażagħ se jiġu megħjuna jsibu xogħol billi tinbidel is-sistema edukattiva u se jkun hemm aktar appoġġ disponibbli inkluż appoġġ għas-saħħa mentali. “Il-kura tan-nies se tkun fil-qalba ta’ dak kollu li se nagħmel,” filwaqt li wiegħed li se jagħmel minn kollox biex “nibnu sens nazzjonali ġdid ta’ għaqda.” 

Huwa temm iħeġġeġ lill-pubbliku u lill-partitarji tiegħu sabiex jibqgħu miegħu u qal li dan huwa l-mument “meta r-Renju Unit terġa’ tibda temmen – il-mument meta nerġgħu nġibu lura t-tama.” 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport