Friday, April 19, 2024

Investiment ta’ €2.2 miljun għal xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni fuq il-mina ta’ Għajn Dwieli

Aqra wkoll

Infrastructure Malta se tkun qed tagħmel investiment ta’ €2.2 miljun għal xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni fuq il-mina ta’ Għajn Dwieli li għandha ’l fuq minn 120 sena u hija twila aktar minn 110 metri.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Transport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt li għamel żjara biswit il-mina, li hija waħda mid-daħliet prinċipali għat-tlett ibliet ta’ Bormla, l-Isla u l-Birgu. “L-għan tagħna huwa li hekk kif il-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ 4 mini prinċipali ta’ pajjiżna qed joqrob lejn it-tmiem tiegħu b’investiment ta’ €10 miljun, issa naqbdu din il-mina sabiex nerġgħu nġibuha fi stat kif jixraqilha, iżda fuq kollox tkun ukoll aktar sigura għax-xufiera li jgħaddu bil-vetturi tagħhom u għan-nies li jkunu qed jimxu minn din iż-żona”, qal il-ministru.

Bħalissa, Infrastructure Malta għaddejja bl-aħħar preparamenti biex fi ftit żmien ieħor tkun tista’ tibda bir-restawr tal-istrutturi. Bħala parti mix-xogħol li se jkun qed isir fuq din il-mina, se jsir tindif fosthom anke dak tal-fili. Apparti minn hekk se jkun qed isir upgrade ta’ stormwater catchments, kunċett ta’ dawl ġdid u numru ta’ miżuri oħra ta’ sigurtà.

Il-Ministru Borg tenna li Infrastructure Malta ġabet l-approvazzjoni ta’ dan ir-restawr mill-Awtorità tal-Ippjanar lura fl-2020. Apparti minn hekk l-istess aġenzija kkonsultat ukoll mas-Sovritendenza tal-Wirt Kulturali sabiex tiżgura li s-sit ikun preservat kif inhu xieraq.

Dan ix-xogħol mistenni jibda fix-xhur li ġejjin u ħafna minnu se jkun qed isir mal-lejl sabiex kemm jista’ jkun ma jinħoloqx inkonvenjent ta’ traffiku f’din iż-żona u fil-madwar.

Sport