Tuesday, April 16, 2024

Investiment ta’ €22 miljun f’impjant ieħor tal-WasteServ

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minbarra l-investiment li diġà sar, fil-ġimgħat li ġejjin il-WasteServ se tkun qiegħda tiftaħ impjant ġdid f’Ħal Far b’investiment ta’ madwar €22 miljun fejn se jiġi aċċettat tyres, injam u saqqijiet biex dawn jiġu proċessati u jitpoġġew lura fl-ekonomija ċirkolari. F’dan l-impjant se jiġu maħżuna wkoll oġġetti elettroniċi.

Dan tħabbar minn Daniel Tabone, li huwa l-Kap Responsabbli mill-ekonomija ċirkolari fi ħdan il-WasteServ, waqt briefing li sar lill-ġurnalisti b’rabta mal-ħidma li għaddejja f’dak li għandu x’jaqsam mal-immaniġġjar u s-separazzjoni tal-iskart.
Is-Sur Tabone semma wkoll li għaddej xogħol fuq impjant ieħor li jagħżel il-ħġieġ b’investiment ta’ €2 miljun. Dan l-impjant se jagħżel fliexken u vażetti tal-ħġieġ billi jisseparahom bil-kulur. Dawn il-proġetti se jkunu parzjalment iffinanzjati minn fondi Ewropej.

Sadanittant, Tabone semma wkoll kif is-sena li għaddiet, WasteServ esportat lejn il-faċilitajiet iċċertifikati qrib l-20,000 tunnellata ta’ materjal riċiklabbli, ta’ kwalità tajba, li ġew mibdula fi prodotti oħra. Dawn jinkludu fost oħrajn 8,000 tunnellata ta’ ħġieġ, 120 tunnellata ta’ kartun tal-ħalib u 5,000 tunellata ta’ kartun.

Intqal ukoll li wara t-tnedija tal-iskeda nazzjonali tal-ġbir tal-iskart, fil-bidu tas-sena, kienet reġistrata żieda ta’ 20% ta’ skart organiku li qed jasal b’mod separat fil-faċilitajiet tal-WasteServ. “Is-sena l-oħra fl-2022 kienet iġġenerata biżżejjed enerġija biex indawlu 500 dar minn dan l-iskart,” qal Tabone.

Huwa żied jgħid li: “bħala WasteServ rajna żieda ta’ 115% tal-kartun li qed jasal għandna b’mod separat mill-industrija. Żieda sostanzjali ta’ 85% ta’ injam li qed jasal b’mod separat u s’issa rċevejna 10 tunnellati ta’ saqqijiet b’mod separat.”

Dwar l-impjant tal-waste-to-energy, Tabone qal li jinsab fi stadju avvanzat il-proċess tal-akkwist tal-impjant, fejn bħalissa qed jiġu magħżula l-ħames konsorzji li se jkunu qed jiddisinjaw, jibnu u jħaddmu l-istess impjant.

“Fil-fatt għaddej bħalissa t-tħaffir tas-sit fejn qed jinbena, dan l-impjant se jdawwar skart li ma jistax jiġi riċiklat f’enerġija ħadra u b’hekk tispiċċa d-dipendenza tagħna fuq il-miżbliet.”

Huwa għamel referenza għal proġett ieħor ta’ impjant li se jkun qiegħed jitratta skart organiku biex minnu jinħareġ kompost kif ukoll enerġija. Qal li “bħalissa għaddejjin fi stadju avvanzat l-istudji fuq id-disinn kif ukoll il-pjan tagħna huwa li nibdew napplikaw għall-permessi neċessarji.”

Semma wkoll kif fl-aħħar jiem ħareġ il-permess għal skip management facility fejn dan “se jitratta l-iskart goff li nirċievu fl-open skips, fejn minflok se jispiċċaw fil-miżbla se nitrattaw dk il-materjal, nagħżlu dak il-materjal li nistgħu nerġgħu npoġġuh fl-ekonomija ċirkolari. Din il-faċilità se tinbena bejn iż-żewġ miżbliet tal-Għallis u tal-Magħtab u allura mhux se tittieħed art ġdida.”

Waqt l-istess briefing tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) Kevin Mercieca, li qalilna li matul is-sena li għaddiet, l-ERA wettqet iżjed minn 5,000 spezzjoni marbutin ma’ skart muniċipali, li jfisser żieda ta’ 1,000 spezzjoni meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Mill-ispezzjonijiet li saru fl-2022, inħarġu xejn inqas minn 700 kontravenzjoni.

Mercieca qal ukoll li statistika riċenti fejn jidħol skart ta’ kostruzzjoni wriet li għall-ewwel darba fl-2021, l-ammont ta’ materjal tal-kostruzzjoni li ġie rriċiklat kien akbar mill-ammont li spiċċa backfilled fil-barrieri. “Din hija xi ħaġa inkoraġġanti ħafna. Għax sa issa kellna dejjem ammont ta’ materjal backfilled fil-barrieri ħafna iżjed milli jkun irriċiklat.”

Mercieca qal ukoll li ttieħdu azzjonijiet leġiżlattivi biex jitnaqqas l-użu tal-konsum tas-single use plastics. Dan filwaqt li saret ħidma ma’ entitajiet oħra biex mexxew ‘il quddiem ir-rifoma biex l-iskart jiġi miġbur fuq bażi reġjonali fejn ġiet introdotta skeda ġdida li hija aktar idoneja.

Dwar is-separazzjoni mandatorja tal-iskart, huwa qal li ‘l quddiem qed jistennew li jkun hemm riżultati pożittivi. “Jekk se nagħmlu kampanji effettivi fuq din il-kwistjoni, u tkun akkumapnjata minn infurzar adegwat dik hi xi ħaġa fejn qed nistennew qabża sostanzjali mill-borża għas-sewda għall-borza l-griża/ħadra.”

Hawn tkellem ukoll dwar l-infurzar fejn introduċew sistema ta’ twissijiet għal min jinqabad l-ewwel darba joħroġ borża fil-ġurnata l-ħażina, iżda mbagħad jekk terġa’ ssir għat-tieni darba, tingħata l-kontravenzjoni. Fil-fatt huwa qal li qed ikun hemm min jinqabad għat-tieni darba u jieħu l-multi.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Circular Economy Malta Jason Vella tkellem dwar l-iskema tar-rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb, liema skema bdiet fl-14 ta’ Novembru li għadda. Skont informazzjoni preliminari, jirriżulta li qed jinġabru mat-3 miljun kontenitur fil-ġimgħa filwaqt li s’issa nġabru ‘l fuq minn 47 miljun kontenitur.

Huwa qal ukoll li bħalissa l-aġenzija qed taħdem fuq inizjattiva li l-għan tagħha huwa li tinċentiva lill-konsumaturi biex meta jixtru frott, ħxejjex u ikel li jinxtara bl-użin minn ċertu stabbilimenti, iġibu kontenituri tagħhom stess minflok ma jagħżlu kontenituri li jintużaw darba biss.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet li l-pjan nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart li jeħodna fid-direzzjoni li l-iskart jinbidel f’riżorsa li tkattar il-ġid, fl-istess waqt li jkun hemm benefiċċji ambjentali u jinħolqu impjiegi ġodda fl-ekonomija l-ħadra.

Il-Ministru Dalli qalet ukoll li figuri preliminari juru li fis-sena ta’ qabel il-pandemija, jiġifieri fl-2019, persuna f’Malta reġistrat medja ta’ 683 kilo ta’ skart fis-sena. Qalet li ċ-ċifri juru li s-sena li għaddiet, kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 10%, fejn għal kull persuna, l-iskart iġġenerat niżel għal 600 kilo. “Nemmen li hemm lok għal aktar tnaqqis. Iżda huwa pass ‘il quddiem li rridu nkomplu nibnu fuqu,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.

Ekonomija

Sport