Il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni flimkien mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja llum ippubblikaw ir-Regolamenti tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Familja 2026, flimkien mal-avviżi ta’ bidu fis-seħħ u l-leġiżlazzjoni sussidjarja relatata meħtieġa biex tibda l-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Qorti tal-Familja f’Malta.
Dan jirrappreżenta pass importanti fl-impenn tal-Gvern biex joħloq sistema ta’ ġustizzja tal-familja aktar iffukata fuq it-tfal, aktar aċċessibbli, aktar effiċjenti u aktar sensittiva għall-ħtiġijiet tal-familji. Ir-riforma tintroduċi qafas proċedurali ġdid maħsub biex jilħaq bilanċ legali bejn il-protezzjoni fl-aħjar interessi tat-tfal, il-ħolqien tal-istrutturi u r-rwoli professjonali meħtieġa biex jiġi garantit servizz ta’ kwalità għolja, u l-introduzzjoni ta’ proċeduri u termini aktar ċari ħalli titjieb l-effiċjenza tal-proċeduri tal-familja.
L-avviż jistabbilixxi l-1 ta’ Ottubru 2026 bħala d-data meta l-maġġoranza tar-Regolamenti tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Familja 2026 u l-Att tal-2026 li Jemenda Diversi Liġijiet Relatati mal-Istabbiliment tal-Qorti tal-Familja, se jidħlu fis-seħħ. Dawn id-dispożizzjonijiet jintroduċu riformi sostanzjali fil-mod kif jitmexxew il-proċedimenti tal-familja, kif elenkati fid-dettal fil-Gazzetta tal-Gvern ippubblikata llum.
Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tqiegħed lit-tfal fiċ-ċentru tas-sistema tal-ġustizzja tal-familja billi ssaħħaħ kemm il-parteċipazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni tagħhom matul il-proċedimenti tal-familja. Din tintroduċi proċeduri aktar ċari u salvagwardji aktar b’saħħithom biex jiġi żgurat li l-vuċi tat-tfal u l-aħjar interessi tagħhom ikunu rappreżentati b’mod effettiv.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li din mhijiex sempliċiment bidla fil-liġi. “Hija bidla fil-mod kif irridu li taħdem il-ġustizzja tal-familja: aktar umana, aktar aċċessibbli u dejjem mibnija madwar l-aħjar interess tat-tfal. Il-Gvern se jkompli jibni fuq din ir-riforma billi beda x-xogħol fuq fażi oħra tar-riforma li se tkun qed tħares lejn il-Qorti Kriminali li tisma’ l-każijiet tal-familja,” qal il-Ministru Grima.
Filwaqt li l-maġġoranza tal-pakkett ta’ riformi se jkunu operattivi fl-1 ta’ Ottubru 2026, ċerti dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ f’data aktar tard. Dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw primarjament aspetti tal-qafas il-ġdid li jeħtieġu miżuri addizzjonali ta’ implimentazzjoni, inkluż l-operat sħiħ ta’ ċerti funzjonijiet speċjalizzati u strutturi ta’ appoġġ.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon saħaq li fiċ-ċentru ta’ din ir-riforma hemm il-benesseri tat-tfal, u kollox idur mal-aqwa kura u ħarsien ta’ minuri ta’ ġenituri li jkunu għaddejjin minn separazzjoni. “Issa ser naraw din ir-riforma verament tieħu l-ħajja, u tħalli differenza fuq dawk il-persuni nvoluti fi proċessi ta’ qrati tal-familja. Quddiemna issa hemm timeframes ġodda u speċifiċi, kriterji aktar ċari marbuta mal-manteniment, responsabiltajiet ugwali ta’ kull ġenitur fejn jidħol l-aċċess, fost oħrajn,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja bħalissa qed jaħdem b’mod attiv sabiex jittraduċi l-ewwel fażi tar-Riforma tal-Qorti tal-Familja f’azzjonijiet konkreti u implimentabbli. Dan jinkludi t-twaqqif tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, it-trasferiment u t-tisħiħ tal-funzjoni tal-Avukat tat-Tfal, ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ professjonisti speċjalizzati, l-iżvilupp ta’ proċeduri operattivi standard u l-implimentazzjoni tal-istrutturi meħtieġa sabiex il-qafas il-ġdid ikun jista’ jopera b’mod sħiħ.
Filwaqt li qed tkompli l-ħidma fuq l-implimentazzjoni, l-attenzjoni diġà bdiet tiffoka fuq it-tieni fażi tar-Riforma tal-Qorti tal-Familja. Filwaqt li tibni fuq il-pedamenti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni attwali, il-fażi li jmiss se tindirizza aspetti addizzjonali tal-proċedimenti tal-familja u tkompli ssaħħaħ l-isforzi ta’ Malta sabiex tiżviluppa sistema ta’ ġustizzja aktar favur it-tfal, aktar effiċjenti u aktar iffukata fuq il-persuna għall-benefiċċju tal-familji kollha.

