Friday, April 19, 2024

Ir-rata f’Malta qabżet dik medja fil-UE

IL-PARTEĊIPAZZJONI TAN-NISA FID-DINJA TAX-XOGĦOL

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Miżuri u inċentivi bħalma hija dik taċ-ċhildcare b’xejn introdotta mill-Gvern fl-2014, għenu biex in-nisa jkunu jistgħu aktar joħorġu fid-dinja tax-xogħol. B’differenza għall-mentalità ta’ dahri fejn qabel il-mara kif tiżżewweġ u aktar meta jkollha t-tfal, tieqaf taħdem u tibqa’ d-dar, illum il-ġurnata naraw kemm in-nisa, għax kapaċi, iridu u huwa possibbli, huma parti integrali mid-dinja tax-xogħol lokali u għaldaqstant, riżors uman importanti għall-ekonomija tagħna.

B’żieda konsistenti tul is-snin, illum il-ġurnata r-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol hija ta’ sodisfazzjon kbira għax mhux talli lħaqna l-medja tal-pajjiżi fil-UE, imma saħansitra qbiżniha. Dan ġie kkonfermat mir-rapport annwali tal-Jobplus fejn irriżulta li fl-2022 ir-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol, jiġifieri dawk li huma mħallsa f’impjieg, telgħet għal 74% mentri, il-medja tal-Blokk Ewropew hija ta’ 69%. Dan ifisser li r-rata f’pajjiżna hija ta’ ħames punti perċentwali iżjed mill-medja fil-UE.

Mis-sħubija fil-UE ‘il hawn

Meta wieħed iħares li sena wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea lura fl-2004, il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol kienet biss 34.5%, jiġifieri inqas min-nofs li għandna llum. Fl-2013 din telgħet għal 47% u sal-2018 din żdiedet konsiderevolment tant li laħqet l-64%. Fl-2020 imbagħad ilħaqna t-tragward ta’ 67% fejn irnexxielna naqbżu r-rata ta’ dak iż-żmien li kellhom bħala medja l-pajjiżi fil-UE.

Iżda, l-andament pożittiv kompla hekk kif id-distakk bejn il-persentaġġ fir-rata lokali mqabbel ma’ dak tal-UE kompla jikber. Dan sakemm f’Malta r-rata tan-nisa parteċipanti fid-dinja tax-xogħol tela’ 73.6% mentri l-medja tal-UE hija 69.4%.
Dan is-suċċess huwa attribwit għall-politika tal-Gvern li fiha ħa ħsieb li jinċentiva u jiffaċilita lill-mara biex aktar milli jħajjarha toħroġ taħdem u jieqaf hemm, witta t-triq u tagħha l-għodda meħtieġa biex effettivament tkun tista’, b’mod prattiku, taħdem. Huwa fatt magħruf li l-aktar pass ‘il quddiem kien dak taċ-childcare bla ħlas għal tfal fl-etajiet bejn it-tliet xhur u t-tliet snin. Dan is-servizz ġie offrut lil kull min jaħdem u dawk li jistudjaw għal kwalifika rikonoxxuta.

Fl-2022 kellna 8,437 tfal igawdu mill-iskema taċ-childcare b’xejn

Mill-informazzjoni oħra li ħarġet minn dan ir-rapport tal-Jobplus fil-fatt, irriżulta wkoll li fl-2022, 8,437 tfal ibbenefikaw minn mill-iskema taċ-childcare bla ħlas. Kważi nofshom (4,029), kienu applikanti ġodda. Dan in-numru baqa’ jiżdied tul is-snin. Fl-2016 dan kien 5,300 tfal fiċ-ċhildcare mentri fl-2019 kien diġà tela’ għal 7,300. Raġjonevolment, l-ammont ta’ tfal fiċ-childcare tul il-pandemija naqas għal 6,700. Iżda, dan l-ammont reġa’ ħa xejra pożittiva fl-2021 fejn f’din l-iskema kellna total ta’ 7,500 itfal jattendu.

Min-naħa l-oħra, fl-istess rapport wieħed jinnota li r-rata tal-impjiegi part time fost in-nisa naqset. Dan it-tnaqqis, lokalment ġie rreġistrat b’mod ġenerali ġenerali. Tant huwa hekk li tul is-snin din ir-rata kompliet tinżel u issa tagħna hija aktar baxxa mill-medja fl-Ewropa.

Minn figuri oħra li ħarġu, hemm żieda fost il-ħaddiema barranin li jaħdmu Malta. Filwaqt li r-rata taċ-ċittadini Ewropej li jaħdmu lokalment baqgħet stabbli, ir-rata ta’ dawk barra l-Blokk Ewropew mis-6% fl-2017, fl-2022 ittripplaw (18%). Dan wassal għal tnaqqis ta’ 11-il punti perċentwali fost il-ħaddiema nisa Maltin. Naraw kif fl-2017 din ir-rata kienet ta’ 81% mentri sa Awissu 2022 din niżlet għal 70%.

L-aktar setturi li raw din iż-żieda fost ħaddiema barranin nisa kienu dawk tal-arti u divertiment fosthom tal-gaming, tal-akkomodazzjoni, tal-ospitalità, kif ukoll tal-kostruzzjoni.

Sport