Monday, December 23, 2024

Ir-rati ta’ riċiklaġġ kważi ttriplikaw matul l-aħħar għaxar snin

Aqra wkoll

WasteServ tħabbar li r-riċiklaġġ żdied għal 266 fil-mija ta’ dak li kien għaxar snin ilu filwaqt li l-użu tal-borża s-sewda naqas bi kważi terz hekk kif Malta irreġistrat numri rekord fis-settur tal-iskart.

Meta mqabbel mal-medja tas-snin 2010 sa 2013, Malta qed tiġġenera 31.5 fil-mija inqas boroż suwed mid-djar.

Barra minn hekk, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, Malta rreġistrat żieda ta’ 12 fil-mija fil-ġbir tal-iskart organiku fl-ewwel sitt xhur tal-2024. WasteServ tipproċessa l-iskart organiku fi ħdan il-kumpless ECOHIVE, u tikkonvertih f’ enerġija.

Filwaqt li laqgħet dawn ir-riżultati, l-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet li dan ir-riżultat pożittiv  huwa grazzi għall-isforz tal-pubbliku ġenerali li ta’ kuljum jibqa’ jagħżel li jissepara l-iskart tiegħu fid-djar.

“L-implimentazzjoni tal-policies flimkien mal-parteċipazzjoni attiva tal-pubbliku qed tirriżulta f’ dawn ir-riżultati pożittivi. Riżultati bħal dawn iħeġġuna biex inkomplu nimplimentaw il-pjan nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart favur prattiċi sostenibbli,” qalet il-Ministru.

WasteServ hija l-aġenzija nazzjonali responsabbli mill-organizazzjoni, l-ġestjoni u l-operat ta’ sistema integrata tal-immaniġjar tal-iskart. Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca qal li r-riżultati miksuba sena wara l-oħra huma xhieda tax-xogħol li qed isir.

“L-iskart organiku żdied bi 12 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra. Din hija kisba importanti u tawgura tajjeb għall-ambjent Malti meta tqis li għal għexieren ta’ snin bħala pajjiż konna nipproduċu ammonti eċċessivi ta’ skart mħallat mingħajr qatt ma ġie rreġistrat l-ebda titjib.”

“Huwa ċar li l-pubbliku issa jemmen bis-sħiħ fil-benefiċċji tal-immaniġġjar tal-iskart. Minkejja ż-żieda li rajna fil-popolazzjoni tagħna, l-aħħar statistika uriet li l-2023 kienet l-aqwa sena, u l-indikazzjonijiet huma li l-2024 ħa nkunu qed nirreġistraw riżultati pożittivi ukoll.”

Is-separazzjoni tal-iskart tippermetti lill-WasteServ ikollha operat iktar sostenibbli. Fil-passat l-iskart organiku kien jintefa fil-miżbliet, jiġġenera rwejjaħ, jattira l-pesti, u jiġġenera għadd ta’ impatti ambjentali negattivi oħra. Illum, is-separazzjoni tal-iskart tippermetti li l-iskart organiku jintuża bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli li jipprovdi mijiet ta’ djar b’ enerġija nadifa.

Dawn ir-riżultati pożittivi huma attribwiti ukoll għal investimenti infrastrutturali, inkluż tliet faċilitajiet ġodda: waħda fil-kumpless ECOHIVE u oħra f ’Ħal Far, it-tnejn inawgurati s-sena l-oħra, u linja ġdida awtomatizzata għall-ħġieġ f’ Marsaskala inawgurata x-xahar li għadda.

Barra minn hekk, il-bidliet fil-policies, bħall-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart u s-separazzjoni obbligatorja tal-iskart li t-tnejn ġew implimentati s-sena l-oħra, kif ukoll il-ħlasijiet ġodda għar-rimi ta’ skart kummerċjali, ukoll ikkontribwew b’ mod sinifikanti għal dawn ir-riżultati.

“Aħna ffortunati wkoll li għandna tim enerġetiku ta’ ħaddiema li huma determinati li jwasslu futur ambjentali ħafna aħjar. Ir-riżultati li qed naraw huma inkoraġġanti għall-aħħar u ninsabu determinati li nkomplu naħdmu iżjed biex inwettqu t-titjib ambjentali li ż-żgħażagħ tagħna jistħoqqilhom,” ikkonkluda Richard Bilocca.

Ekonomija

Sport