Sunday, January 26, 2025

Ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali… se tkun elevata għal Imħallef u bi drittijiet ġodda għall-vittmi

Aqra wkoll

“Mhux talli m’aħniex se nkunu qegħdin neliminaw l-inkjesta maġisterjali tal-privat, imma se nkunu qed nelevaw is-serjetà tal-proċess fl-istess waqt ukoll li nirrisponsabbilizzaw l-użu ta’ din l-għodda billi f’dan il-proċess ġdid – u se tkun riforma ħolistika mhux biss tal-inkjesti tal-privat – nintroduċu wkoll il-figura ta’ Mħallef, li jippresjedi l-Qorti Kriminali. Se ndaħħlu drittijiet ġodda bħal dawk tal-vittmi.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu mill-ġurnalist ta’ L-Orizzont u talk.mt Claudio Coleiro b’rabta mar-riforma fl-inkjesti maġisterjali. Fl-intervista ta’ dalgħodu, li xxandret fuq ONE TV, il-Prim Ministru wieġeb ukoll il-mistoqsijiet ta’ Keane Cutajar f’isem Malta Daily u Yannick Pace minn Lovin Malta.

Dr Abela beda biex stqarr li din ir-riforma se tkun qiegħda ssir għaliex hemm wisq persuni innoċenti li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-politika illi bħalissa qed jirrinfaċċjaw proċeduri ġudizzjarji konsegwenza ta’ dak li sejjaħlu bħala abbuż ta’ inkjesta maġisterjali, u dan meta huwa ċar li dawn ma ħaqqhomx ikunu esposti għal dawn il-proċeduri kriminali.

Huwa semma fost oħrajn lil Alfred Camilleri u lil Joe Rapa, li ddeskrivihom bħala żewġ servjenti leali tal-Istat, li dejjem mexxew b’integrità, b’rettezza liema bħala u b’onestà, li spiċċaw jirrinfaċċjaw proċeduri kriminali talli għamlu xogħolhom. “Imma tgħidli kif spiċċaw hemm u l-inkjesta rrakkomandat jew ordnat li jitressqu?”, żied jistaqsi l-Prim Ministru.

“Dan għaliex sfortunatament illum il-qafas legali li għandna madwar inkjesta, jekk ikun hemm xi ħadd jiddeċiedi li jużah bil-mod mhux kif maħsub li jintuża mijiet ta’ snin ilu meta ddaħħal, hemm minħabba l-grad baxx eżagerat ta’ kif l-inkjesta maġisterjali trid tingħalaq il-konsegwenza jekk mhux se jkollna qafas legali għar-realtajiet tal-lum hemm se tara n-nies li jitressqu,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Huwa żied jispjega li din ir-riforma mhu se tnaqqas l-ebda jedd għall-ġustizzja u li dawk kollha li jkunu jridu, għal raġuni ġenwina, jinqdew minn din l-għodda tal-inkjesta maġisterjali mhux se jixxekklilhom dak il-jedd t’aċċess. Iżda din ir-riforma se tkun xprunata mill-ħsieb li ma jistax ikollna persuni li jinxteħtu f’inkjesti maġisterjali purament għax xi ħadd jidhirlu li kien hemm artikolist li xeħet artiklu fil-gazzetta u abbażi tieħu inti tispiċċa f’inkjesta maġisterjali, jew xi ħadd jixħet allegazzjoni fuq persuna u tispiċċa f’inkjesta.

Il-Prim Ministru ħabbar li se jkun hemm il-jedd statutorju tal-vittmi li jkunu jafu x’qed jiġri u f’liema parti tkun waslet l-inkjesta maġisterjali. B’żieda ma’ dan se jiddaħħal ukoll il-figura ta’ Mħallef. “Pero mbagħad se nkunu qed nelevaw li biex wieħed jiftaħ inkjesta ma nistgħux nibqgħu b’dan l-abbuż ta’ tfigħ ta’ tajn.”

“Ir-riforma maħsuba biex minn ħaqqu jirrinfaċċja proċeuri kriminali jirrinfaċċjahom iżda dawk li ma ħaqqhomx ma jitressqux. Min naqas se jkollu jwieġeb għal għemilu, imma min ma naqasx imma hemm min irid ippattihielu għal xi raġuni oħra dak ma jirrinfaċċax aklkużi kriminali b’konsegwenza ta’ inkjesti maġisterjali.

“Daħħalna din il-figura ta’ Mħallef u li biex tinfetaħ inkjesta f’ċertu grad ta’ prova, imma li wkoll nibdew nitħaddtu biex tinfetaħ inkjesta jew le fuq provi li huma ammissibbli fil-liġi,” kompla jgħid Dr Abela.
Fuq kollox, żied jgħid il-Prim Ministru, irridu naraw li l-ġudikatura ma tintużax iżjed bħala ballun politiku. Qal li minn dak li huwa jinsab infurmat, il-ġudikatura mhi kuntenta xejn b’dan l-istat ta’ fatt li jkun hemm min jabbuża minn dan il-qafas ta’ liġi antik biex il-ġudikatura, għax marbuta bil-liġi, tiġi wżata biex tagħti daqqiet politiċi naħa jew oħra, jew agħar minn hekk biex jissallbu nies tal-affari tagħhom, nies leali lejn l-istat, jew li jkun hemm attakk strateġiku fuq numru ta’ negozji.

Sostna li issa mxejna għal stadju fejn ħames negozji jiġu individwalizzati b’mod direttu u jiġu implikati li wettqu affarijiet mingħajr ebda provi. Kien hawn fejn staqsa min qed jagħmel dawn l-inkjesti għaliex qed jindividwalizza negozji u mhux oħrajn.

Il-Prim Ministru tenna li kull wieħed u waħda minna jrid jifhem illi jekk mhux se jkun hemm din ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali li se tkun qiegħda ssir, għada jaf ikun hu s-suġġett tagħha. “Dak li rridu naraw li ma jkunx hemm dan l-abbuż imma li l-ġustizzja tintuża biss għall-għanijiet veri tagħha.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport