Thursday, April 18, 2024

“Ir-rispett politiku ma jitkejjilx b’ġakketta li tilbes għal 90 minuta”

Il-Ministru għat-Turiżmu b’reazzjoni għal diversi kummenti fil-konfront tiegħu

Aqra wkoll

Hekk kif matul il-ġurnata fil-midja soċjali kien hemm diversi kummenti fil-konfront tal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo minħabba li lbieraħ waqt il-logħba libes ġaketta ta’ Manchester United, il-Ministru sostna li r-rispett politiku ma jitkejjilx b’ġakketta li tilbes għal 90 minuta biss.

F’post fuq Facebook il-Ministru Bartolo rrefera għal logħba bejn it-timijiet tan-nisa ta’ Birkirkara u Manchester United fejn sostna li “min b’xi mod ħassu urtat nesprimi s-sensittività tiegħi. Żgur li ma ridtx noffendi lil xi ħadd personali, u wisq inqas lit-tim tal-futbol ta’ Birkirkara u l-Karkariżi.”

Il-Ministru sostna li grazzi għall-ħidma li saret mill-organizzaturi u VisitMalta, it-tim tal-futbol tan-nisa ta’ Birkirkara kellu opportunità mill-isbaħ, tant li minkejja r-riżultat it-tfajliet Karkariżi taw il-massimu tagħhom.

“Il-Karkariżi jafu li dejjem sabuni ta’ spalla f’kull qasam – kemm għaqdiet sportivi kif ukoll kulturali ta’ din il-lokalità. Nemmen li r-rispett politiku ma jitkejjilx b’ġakketta li tilbes għal partita ta’ 90 minuta imma b’ħidma ġenwina għan-nies li kont, għadni u nibqa’ nemmen fiha,” kiteb il-Ministru Bartolo.

Hu temm jgħid li jixtieq jirringrazzja lil kull min kien involut biex ilbieraħ filgħaxija l-pubbliku sportiv seta’ jgawdi mill-ħidma li qiegħda ssir b’mod kontinwu sabiex iżjed timijiet ta’ fama mondjali minn kull dixxiplina sportiva jagħżlu lill-pajjiżna għal training camps tagħhom.

Ekonomija

Sport