“Irridu nieħdu l-affarijiet pass pass u mhux ngħaġġlu”

– Philip Fenech, Deputat President tal-Kamra tas-SMEs, dwar il-proposti tal-Oppożizzjoni rigward il-Budget

Aqra wkoll

“Irridu nieħdu l-affarijiet pass pass u mhux ngħaġġlu.” Hekkk stqarr magħna Philip Fenech, Deputat President tal-Kamra tas-SMEs, b’reazzjoni għal proposti li ħabbar il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Alex Borg dwar li wieħed għandu jinvesti biex aktar negozji jinvestu fl-awtomazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, ir-robotika u l-AI.

Jistqarr li dak li ntqal waqt il-konferenza organizzata mill-Partit Nazzjonalista huma ilhom żmien twil jgħiduh u mhux xi ħaġa ġdida kemm għall-Kamra tas-SMEs u anke l-istess intqal fl-MCESD. “Naqblu li hemm bżonn investiment biex ikun hawn aktar effiċjenza u tiżdied il-protattività,” jgħidilna Fenech, iżda “dan għandu jsir b’mod għaqli.”

Jgħidilna li hemm ċertu xogħlijiet li jissejħu “xogħlijiet organiċi” bħal hairdressers li din mhux se tella’ aktar xogħol milli tiflaħ. “L-istess bħal waiters… dawn imposibbli jaħdmu aktar milli jifilħu… u għalhekk irridu nieħdu ħsieb dawn it-tip ta’ impjiegi,” jgħidilna Fenech.

Meta nintroduċu l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) u għodod diġitali fix-xogħol amministrattiv, inkunu qed inneħħu l-kompiti ta’ rutina u dawk ripetittivi. Kemm jekk ikun il-ħruġ tal-fatturi jew iż-żamma ta’ rekord tal-inventarju, l-awtomatizzazzjoni intelliġenti tnaqqas l-iżbalji u tiżgura aktar preċiżjoni.

Dan mhux biss iżid il-produttività u l-profittabbiltà tagħna, iżda jgħolli wkoll il-livell ta’ kif naħdmu. Billi nnaqqsu l-istress mentali ta’ kuljum fuq l-impjegati tagħna, inkunu qed nagħtuhom aktar spazju biex jiffukaw fuq xogħol aktar importanti u attivitajiet li joħolqu valur miżjud.

“Ma tistax taqbad u tieħu deċiżjoni li tolqot lil kulħadd… mhux kull negozju jopera bl-istess mod u għalhekk wieħed irid joqgħod ħafna attent,” ikompli jgħidilna Fenech ftit tal-ħin wara li spiċċat il-kofnerenza organizzata mill-Partit Nazzjonalista.

Ikompli jgħidilna li wieħed l-ewwel u qabel kollox irid jara dak li hu fl-immedjat u naraw dawn il-miżuri li tħabbru fil-budget kif se jaffetwa in-negozji żgħar u medji… “Ċertu kumpaniji diġà qalu li se jagħmlu tajjeb għal ħafna mill-miżuri mħabbar, iżda oħrajn li huma żgħar hija storja differenti u rridu naraw x’se jiġri,” jgħidilna Philip Fenech.

Id-Deputat President tal-Kamra tas-SMEs itemm jgħid li bħala Kamra qegħdin jaraw ukoll l-inizjattivi li tħabbru minn Malta Enterprise għan-negozji żgħar u medji.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport