Manoel Island: Jibdew l-ewwel xogħlijiet biex issir park nazzjonali

Aqra wkoll

Bħala parti mill-ewwel ħidma biex Manoel Island tinbidel f’park nazzjonali, bdew xogħlijiet estensivi ta’ tindif u manutenzjoni. Din il-ħidma hija pass lejn it-twettiq tal-impenn tal-Gvern li Manoel Island issir spazju miftuħ għall-pubbliku, fejn il-familji jkunu jistgħu jgawdu l-ambjent naturali u l-wirt storiku li joffri dan il-post.

Din l-ewwel fażi ta’ ħidma qed titwettaq mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni flimkien ma’ Project Green fuq pjan ta’ xogħol imħejji b’attenzjoni partikolari għall-karatteristiċi ambjentali u storiċi ta’ Manoel Island.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli u l-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli żaru s-sit fejn għaddej ix-xogħol bħalissa.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif dan huwa l-bidu ta’ ħidma akbar biex Manoel Island tingħata lill-familji Maltin u Għawdxin bħala spazju miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd. “Manoel Island għandha potenzjal kbir biex issir wieħed mill-isbaħ spazji miftuħa f’pajjiżna. Illum qed nibdew naraw l-ewwel ħidma konkreta fuq il-post biex ikollna park nazzjonali. Qed nibdew billi nnaddfu żoni differenti, insaħħu l-aċċessibilità u anki nagħmlu l-post aktar sigur, filwaqt li nħarsu l-karatteristiċi naturali u storiċi li jagħmlu dan il-post uniku. Irridu li Manoel Island tkun post fejn il-familji jistgħu jqattgħu l-ħin liberu u jgawdu dan l-ispazju. Din hija l-viżjoni tagħna għal aktar spazji miftuħa, aċċessibbli u ta’ kwalità għal kulħadd,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli, qalet li Manoel Island trid terġa’ tkun tan-nies u għan-nies, bħala spazju miftuħ li jgawdu minnu l-familji Maltin u Għawdxin. “Permezz tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, qed naħdmu biex inneħħu snin ta’ skart u telqa minn dan il-post, b’interventi ppjanati u mwettqa b’attenzjoni. Din il-ħidma mhijiex biss tindif, iżda parti minn impenn usa’ biex intejbu l-ispazji pubbliċi f’pajjiżna u niżguraw li jkunu aktar nodfa, miżmuma aħjar u aċċessibbli għall-familji Maltin u Għawdxin.”

Qabel il-bidu tax-xogħlijiet, uffiċjali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, uffiċjali mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u ta’ Project Green wettqu żjarat fuq il-post biex jiġi żgurat li l-interventi jitwettqu b’rispett lejn in-natura u l-wirt storiku taż-żona.

Ix-xogħlijiet jinkludu ż-żbir tas-siġar fejn meħtieġ, it-tneħħija ta’ zkuk ta’ siġar mejta, il-qtugħ tal-ħaxix u t-tindif tal-entratura, kif ukoll it-tneħħija ta’ graffiti u posters minn mal-ħitan. Se jitneħħa wkoll materjal tal-ħadid, strutturi li m’għadhomx jintużaw u skart tal-kostruzzjoni, fosthom knatan u blokki tal-konkos. Il-ħidma tinkludi wkoll it-tneħħija ta’ strutturi mhux awtorizzati, fosthom kmamar illegali, filwaqt li jiġu mħarsa l-elementi ta’ valur storiku u ambjentali.

Għal din il-ħidma qed jintuża makkinarju speċjalizzat, flimkien ma’ għodda manwali, biex ix-xogħol isir b’mod effiċjenti u b’attenzjoni għall-ambjent tal-madwar.

Din il-ħidma hija parti mill-ewwel passi lejn it-trasformazzjoni ta’ Manoel Island f’park nazzjonali, bil-għan li jiġi mħares il-patrimonju naturali u storiku tal-gżira filwaqt li jinħoloq spazju miftuħ ta’ kwalità għall-pubbliku.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport