Matul dawn l-aħħar snin, sar progress regolatorju qawwi biex diversi oqsma fis-settur tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta, ikunu jistgħu joperaw fuq l-istess livell ta’ ċentri finanzjarji Ewropej. Dan wassal biex is-settur Malti tas-servizzi finanzjarji mhux biss jikseb effiċjenzi ġodda, imma jkun jista’ jikkompeti ma’ ċentri finanzjarji oħra ewlenin.
Il-qofol ta’ din il-ħidma jinsab fil-fatt li l-istituzzjonijiet ewlenin, jiġifieri l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji, l-FIAU, l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta u r-Reġistru tan-Negozji (MBR) qed jaħdmu dejjem iżjed mill-qrib flimkien biex l-eżiġenzi u l-ħtiġijiet tas-settur jintlaqgħu b’mod ħolistiku.
Fil-qalba ta’ din il-ħidma hemm il-Kunsill Konsultattiv għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSAC) li sa mit-twaqqif tiegħu fl-2021, mexxa ’l quddiem progress leġiżlattiv u tekniku sinifikanti bil-għan li jkompli jsaħħaħ is-settur tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta.
“L-għan ewlieni tagħna huwa li l-progress regolatorju jinbidel f’investiment, effiċjenza u tkabbir ekonomiku,” jispjega Joseph Zammit Tabona, Chairman tal-MFSAC.
“Il-fażi li jmiss teħtieġ appoġġ aktar b’saħħtu mill-Gvern, kollaborazzjoni aktar profonda bejn is-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll sistemi diġitali integrati. Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess għandu jitkejjel mhux mill-għadd ta’ proġetti li jitlestew, iżda mir-riżultati ekonomiċi tanġibbli li jinkisbu,” qal is-sur Zammit Tabona.
Tliet snin minn mindu bdiet l-implimentazzjoni tal-istrateġija fl-2023, Malta lestiet 70 fil-mija tal-miri fundamentali tagħha, b’total ta’ 35 proġett li tlestew f’oqsma leġiżlattivi u tekniċi ewlenin.
Fost dawn hemm reviżjoni komprensiva tal-Att dwar il-Kumpaniji, l-introduzzjoni ta’ strutturi ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv Notifikati (Notified AIFs) u pakketti apposta għall-Family Offices. Dawn l-inizjattivi huma kollha maħsuba biex ikomplu jsaħħu l-qafas legali u regolatorju tal-pajjiż.
“L-ewwel prijorità tal-istrateġija kienet li jinbnew sisien sodi fuq regoli b’saħħithom. Iżda dan kien biss l-ewwel pass. Issa qed nidħlu fit-tieni fażi kruċjali, li se tiffoka fuq l-attrazzjoni tal-investiment u l-prestazzjoni operattiva, fejn it-tħejjija leġiżlattiva u teknika trid tinbidel f’riżultati tanġibbli, fosthom żieda fl-investiment li jidħol fil-pajjiż, fl-assi taħt ġestjoni u fid-domiċiljazzjoni ta’ entitajiet ġodda,” jispjega s-Sur Zammit Tabona.
Bejn l-2027 u l-2030, mit-tlestija ta’ proġetti, l-enfażi se timxi għall-kisba ta’ riżultati ekonomiċi li jistgħu jitkejlu billi jingħalaq id-distakk bejn it-tħejjija regolatorja u l-esperjenza prattika ta’ min jagħmel in-negozju f’Malta.
“Kull investitur internazzjonali ifittex qafas legali b’saħħtu, perijodu fiss għal kull
awtorizzazzjoni, proċessi amministrattivi effiċjenti u servizzi pubbliċi sinkroniżżati mingħajr xogħol doppju bla bżonn biex l-istrateġija ma tkunx sempliċiment policy document ieħor iżda mezz ta’ trasformazzjoni effettiva.”
Is-Sur Zammit Tabona jidentifika tliet prijoritajiet immedjati ewlenin: koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Gvern, l-awtoritajiet regolatorji u l-industrija; aktar riżorsi; u responsabbiltà ċara.
Inizjattivi bħall-Malta Business Wallet li tnieda aktar kmieni din is-sena, u l-infrastruttura proposta MT-FinDeX għandhom inaqqsu ċerti ostakli amministrattivi, jiffaċilitaw il-komunikazzjoni ta’ data b’mod sigur u jissimplifikaw l-interazzjoni bejn in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, is-suċċess tagħhom se jkun jiddependi fuq jekk l-aġenziji humiex se jkunu kapaċi jipprovdu servizzi verament integrati, minflok sempliċi proċess eżistenti diġitalizzat.
Skond is-sur Zammit Tabona, l-awtoritajiet għandhom jadottaw miri komuni ta’ prestazzjoni li jkopru l-vjaġġ kollu tal-klijent, minn meta l-kumpanija tkun reġistrata, sal-ħruġ tal-liċenzji regolatorji u l-ftuħ ta’ kont bankarju.
“Fl-aħħar mill-aħħar, kull suċċess ma jitkejjilx skond kemm proġetti jkunu tlestew iżda skond it-tkabbir ta’ l-assi, l-għadd ta’ entitajiet b’liċenzji ġodda u skond iż-żieda fl-investiment barrani. L-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll l-operaturi tas-settur privat għandhom jagħtu rendikont tal-prestazzjoni tagħhom skont dawn il-miri komuni,” żied is-sur Zammit Tabona.
Bernice Buttigieg, Chief Strategy Officer ta’ FinanceMalta tkellmet dwar il-konferenza annwali li issa waslet fid-19-il edizzjoni tagħha bit-tema “Il-Finanzjament tal-Ekonomija tal-Ġenerazzjoni li Jmiss”.
“Din is-sena, il-konferenza se tħares lil hinn mit-tkabbir tas-servizzi finanzjarji nfushom u se teżamina kif Malta tista’ tattira aktar kapital, għal perjodi itwal, lejn oqsma produttivi u speċjalizzati ta’ attività ekonomika u dan jaqbel mad-direzzjoni l-ġdida ta’ FinanceMalta fejn qed nippruvaw niżguraw li l-promozzjoni ta’ Malta tkun aktar immirata u ffukata fuq il-kwalità.”
Dr Buttigieg semmiet ukoll kif il-konferenza ta’ din is-sena se tirrifletti din l-evoluzzjoni tar-rwol ta’ FinanceMalta.
“L-għan tagħna m’għadux sempliċiment li nikkomunikaw il-potenzjal ta’ Malta, iżda li ngħinu biex dan il-potenzjal isir aktar viżibbli, aktar kredibbli u aktar attraenti għall-investiment internazzjonali.”
“Dan huwa kapitlu ġdid li se jiddependi fuq l-istess kwalitajiet li sawru l-komunità tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta sal-lum: il-kompetenza, il-kollaborazzjoni, il-konnettività internazzjonali u r-rieda li l-opportunitajiet jinbidlu f’azzjoni konkreta,” temmet tgħid Dr Buttigieg.
Għal aktar dettalji dwar il-konferenza żur is-sit www.financemalta.org/fmconf
